Progress enormi fis-siti ta’ kostruzzjoni tal-Housing Soċjali

F’Birkirkara jitlesta x-xogħol tal-ġebla fuq tliet blokok

  1. Kif inhu għaddej ix-xogħol fuq is-siti tal-housing soċjali? Xi progress qegħdin taraw?

Minkejja li l-imxija tal-Covid-19 ġabet magħha sfidi kbar, is-siti ta’ kostruzzjoni tal-housing soċjali għandhom qed joperaw. Assigurajt li jittieħdu l-prekawzzjonijiet meħtieġa, iżda x-xogħol għadu għaddej u qed jiprogressa b’mod rapidu. Tant hu hekk, li fil-ġimgħat li għaddew fis-sit ta’ Birkirkara tela’ ir-raba’ u l-aħħar sular fuq 3 blokok, biex b’hekk issa qegħdin f’sitwazzjoni fejn fil-ġimgħat li ġejjin ikun jista’ jibda’ x-xogħol tal-finishes. 

Il-verità hija li l-batut ma jistax jistenna u għalhekk dan ix-xogħol jeħtieġ li jibqa’ għaddej sakemm ikun possibbli, sabiex nassiguraw li l-akbar investiment li sar f’ dawn l-aħħar 40 sena fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali jissarraf f’units kompluti mill-aktar fis possibli, sabiex inkunu nistgħu nakkomodaw lill-familji fil-bżonn.

  1. Fiex waslet il-ħidma fuq is-siti l-oħrajn tal-housing soċjali?

Irrid ngħid li f’diversi siti x-xogħol miexi b’rittmu tajjeb ħafna. Bħalissa għaddejja ħidma intensiva biex jinbnew 1700 appartament, mqassmin fuq 38 sit madwar Malta. Ix-xogħol fis-Siġġiewi, Ħ’Attard, Birkirkara, iż-Żurrieq u Bormla miexi b’rittmu tajjeb ħafna. 

Fost l-oħrajn f’Ħ’Attard għadu kemm tela’ t-tielet sular, f’binja li se tkun tikkonsisti f’4 sulari. B’hekk ix-xogħol tal-ġebla hawn ukoll wasal fi stadju avvanzat ħafna, tant li fix-xahrejn li ġejjin mistenni jitlesta x-xogħol tal-ġebla hawn ukoll. 

Intant, f’Bormla għandna wieħed mill-akbar siti li fuqu tiela bini għal skopijiet soċjali. Minkejja l-kobor, jidher li x-xogħol miexi b’rittmu mgħaġġel ħafna u b’hekk mhux nistennew li ndumu wisq ma naraw il-frott. 

L-1700 unit ġdid jikludu wkoll appartamenti li se jinbnew f’Ħal Kirkop, Ħal Luqa, Ħaż-Zebbuġ, l-iMsida, il-Qrendi, Raħal Ġdid, il-Mellieħa, ir-Rabat u Ħal Qormi. 

  1. X’inhi l-istraġija tiegħek bħala Ministru biex takkomoda kemm jista’ jkun persuni li jiġu bżonn il-housing soċjali?

Affaċjat bi sfida ta’ nuqqas ta’ stokk, wara li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern kien waqqaf il-bini tal-housing, mill-ewwel jiem ta’ din il-leġislatura ħsibna f’alternattivi biex inżidu l-istokk tal-akkomodazzjoni soċjali. Alternattivi li jimxu id f’id mas-soluzzjoni li qed noħolqu permezz ta’ bini ġdid. 

Intant l-istrateġija tagħna tinvolvi fost l-oħrajn l-iskema ‘Nikru biex Nassistu’. Permezz ta’ din l-iskema, bħala gvern qed nikru propjetajiet mingħand il-privat, biex imbagħad ngħadduhom lill-persuni li huma fil-bżonn ta’ housing soċjali. 

Skema oħra b’għan simili, iżda b’inċentiv doppju hi dik li permezz tagħha qed indawru l-postijiet abbandunati f’opportunità. Permezz ta’ din l-iskema qed inżidu l-istokk ta’ housing soċjali filwaqt li nagħmlu r-riġenerazzjoni ta’ postijiet privati abbandunati. Din l-iskema qed twassal biex postijiet li qabel kienu abbdandunati jibdew jiġu rinovati u jerġgħu jibdew jiġu użati bħala residenzi. Din l-iskema tagħti lil sid il-propjetà sa massimu ta’ €25,000 biex jagħmel l-interventi meħtieġa. Wara li l-propjetà tkun riġenerata għal stat abitabbli, il-gvern jikriha għal 10 snin għal skop soċjali. 

Share With: