[FILMAT] “Il-punt ta’ tluq kien il-garanzija tal-impjiegi”

Il-ħidma tal-GWU ssalva l-impjieg ta’ 600 ħaddiem differenti fi ħdan l-Air Malta, u l-Airmalta Aviation Services; Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja jisħaq fuq l-importanza “tad-djalogu bejn min iħaddem, u r-rappreżentanza tal-ħaddiema”

Il-General Workers’ Union ħabbret li, grazzi għal ftehim li hija laħqet mal-Amministrazzjoni tal-Air Malta, kif ukoll ħaddiema ġewwa l-Airmalta Aviation Services, ssalvagwardjat l-impjiiegi ta’ xejn inqas minn 600 ħaddiem differenti.

Minkejja li l-pandemija tal-Covid-19 ħalliet ħerba mil-linja nazzjonal;i tal-ajru, grazzi għal dan il-ftehim, il-ħaddiema se jieħdu paga soċjali ta’ mhux anqas minn €1,200 fix-xahar għall-erba’ ġimgħat li ġejjin, bil-possibilità li dan jiġi mġedded għal erba’ ġimgħat oħra.

Il-ftehim ikopri ħaddiema fi ħdan l-Amministrazzjoni, is-sezzjoni kummerċjali u tal-operat, kif ukoll il-ħaddiema tekniċi, li approvaw il-ftehim b’vot ta’ 100%, filwaqt li l-ħaddiema ġewwa l-AAS, li jinkludi membri tal-ground handling, il-cargo handling, il-manutenzjoni ġenerali, kif ukoll dawk li jaħdmu ġewwa ċ-check in, approvaw il-ftehim b’vot ta’ 95%.

F’kumment ma’ L-Orizzont, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja ddeskriva dan il-ftehim bħala turija “tal-importanza tal-komunikazzjoni u djalogu soċjali mal-prinċipali u/jew mal-ħaddiema, anke f’dawn iż-żminijiet diffiċli bħal tal-lum. Huwa importanti li l-partijiet jifhmu lil xulxin, biex jipproteġu u jissalvagwardjaw l-interessi ta’ xulxin.”

“Filwaqt li assoċjazzjonijiet oħra baqgħu iħambqu u jiġġieldu mal-prinċipali, u saħansitra mal-ħaddiema, anke fejn s-sitwazzjoni tal-ħaddiema kienet ferm inqas kumplessa minn tagħna, aħna bħala GWU irnexxielna nitkellmu ma’ madwar 600 ħaddiema, minn oqsma u fergħat differenti fi ħdan il-kumpanija, bil-kwiet. L-isfida prinċipali tagħna kienet ir-ristrezzjoni fuq il-kuntatt personali, madanakollu fuq perjodu ta’ jumejn, irnexxielna negħelbu din l-isfida wkoll.”

Bugeja saħaq li l-GWU kienet qegħda tikkonsulta kull aspett tal-ftehim mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, waqt li kienu f’kuntatt kontinwu mal-Amministrazzjoni tal-Air Malta, kif ukoll tal-Airmalta Aviation Serevices (AAS). “Apparti li kellimna lil dawn il-ħaddiema kemm jista’ jkun individwalment, spjegajna l-problemi li qiegħda tiffaċċja bħala kumpanija, u kif ukoll il-mod kif dan il-ftehim se jiġi implimentat fiż-żmien li ġej.”

“Il-punt tat-tluq tad-diskussjonijiet kienu li nsalvaw u nevitaw is-sensji ta’ xi ħaddiema mill-kumpanija: Dan kien pass importanti, speċjalment fid-dawl tal-aħbar li l-Air Malta kienet qiegħda tikkunsidra t-tkeċċija ta’ 108 piloti, kif ukoll mal-139 membru tal-ekwipaġġ, kieku ma ntlaħaqx ftehim mal-ħaddiema tagħhom kollha.”

“Hawnhekk, nesprimi s-sodisfazzjon tiegħi għall-kollaborazzjoni sħiħa li kien hemm bejnietna, bejn il-ħaddiema kollha, kif ukoll il-Kaptan Clifford Chetcuti u Jamens Genovese, bħala l-Kap Eżekuttiv u l-Uffiċjal tar-Relazzjonijiet Umani tal-Air Malta, kif ukoll Keith Fenech bħala Kap Eżekuttiv tal-AAS rispettivament.”

Share With: