Qorti f’Malta tawtorizza s-sekwestru ta’ €29.5 miljun f’assi mill-Bank tal-Vatikan

Miktub minn Melvin Farrugia

L-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Knisja Kattolika (CNA) qiegħda tirrapporta li x-xahar li għadda kien hemm Qorti f’Malta li awtorizzat is-sekwestru ta’ assi li oriġinarjament kienu tal-Bank tal-Vatikan. Din l-ordni ta’ sekwestru wasslet biex tliet kumpaniji li kienu fi ġlieda legali ma’ dan il-bank jieħdu mad-€29.5 miljun f’assi.

Skont ma qed jiġi rrappotat, iż-żewġ kumpaniji ta’ investiment ibbażati f’Malta – Futura Funds Sicav u Futura Investment Management, flimkien mal-kumpanija bbażata fil-Lussemburgu Courgar Real Estate kienu mdaħħlin fi ġlieda legali li kienet ilha għaddejja snin mal-Bank tal-Vatikan. Dan minħabba miljuni ta’ ewro li l-bank kien ftiehem li se jinvesti magħhom, iżda li mbagħad mar lura milli jonora.

Hu allegat li l-kwistjoni kienet dwar pjan ta’ investiment li kien sar fl-2013 u li kien jinvolvi x-xiri ta’ proprjetà fl-Ungerija – il-Palazz tal-Borża ta’ Budapest – għall-iżvilupp u l-bejgħ mill-ġdid. Jingħad li l-kumpanija Futura qalet li l-Bank tal-Vatikan kellu jinvesti €47 miljun fil-proġett, iżda ta biss €14-il miljun. Il-kumpanija argumentat li wara bdil fit-tmexxija tal-bank, dan ried imur lura mill-ftehim legali li jinvesti.

L-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Knisja Kattolika tirrapporta li s-sentenza li ngħatat milll-Qorti Maltija fit-13 ta’ Marzu, tirrappreżenta l-bilanċ ta’ investiment li kien dovut mill-Bank tal-Vatikan u d-danni materjali li sofrew iż-żewġ kumpaniji. (Inewsmalta pprova jikseb din is-sentenza minn fuq is-sit online, iżda s’issa ma kienx possibbli li naċċessawha.) Barra minn hekk, tikkwota stqarrija mill-istess kumpaniji li ġiet ippubblikata fuq il-website dwar l-aħbarijiet finanzjarji, Expert Investor u li ġiet irrapportata fis-6 ta’ April 2020.

Fl-istqarrija jingħad li jekk il-kumpaniji ma jkunux jistgħu jirkupraw il-flus permezz tal-assi tal-Bank tal-Vatikan f’Malta, se jkomplu jfittxu lill-Bank tal-Vatikan f’ġuriżdizzjonijiet oħra Ewropej u bi proċeduri mgħaġġlin.

Matul dik is-sena meta kien sar il-pjan ta’ investiment, kien ġie appuntat bħala President tal-Bank tal-Vatikan Ernst von Freberg bil-mandat li jġib it-trasparenza u r-riformi meħtieġa fl-istituzzjoni. Il-Papa Franġisku stess kien ħoloq kummissjoni biex tissorvelja l-bank u tiġbor informazzjoni korretta dwar l-istat legali u attivitajiet oħra tal-bank. Din il-kummissjoni kienet ippubblikat l-ewwel rapport annwali dik is-sena stess u l-kontenut kien ġie awditjat mill-KPMG. Matul dik l-istess sena wkoll, l-Awtorità tal-Intelliġenza Artifiċjali tal-Vatikan kien ġiet milqugħa bħala membru sħiħ tal-aġenziji investigattivi finanzjarji nazzjonali.

Min-naħa tiegħu, il-Bank tal-Vatikan ukoll fetaħ proċeduri legali kontra Futura Funds SICAV PLC u Futura Investment Management Ltd hekk kif qed jipprova jirkupra l-investimenti tiegħu f’Futura. Il-Bank qed jisħaq li l-kumitat ta’ investiment ġie mqarraq mid-diretturi ta’ Futura Investment Management, Alberti Matta u Girolamo Stabile, li t-tnejn jissemmew fil-battalja legali, flimkien ma’ Optimum Evolution Fund SIF u Optimum Asset Management S. A.

Kien fl-2014 li l-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan investa mijiet ta’ miljuni ta’ ewro fl-iżvilupp ta’ proprjetà f’Londra. Kien xtara binja f’60 Sloane Avenue f’manuvri kkomplikati mill-banek Żvizzeri, minn diversi kumpaniji ta’ negozjant Taljan u minn intermedjarji oħra. Illum il-ġurnata, din il-binja bi kkontrollata mis-Segretarjat permezz ta’ kumpanija li jisimha London 60 SA Ltd. Dan l-investiment kien ġie taħt skrutinju mill-awtoritajiet finanzjarji tal-Vatikan u l-Papa Franġisku kien qal li l-ftehim kien skandlu. Kien stqarr li xi affarijiet ma dehrux nodfa, wara li saru rejds mill-forzi tal-ordni u diversi uffiċjali ġew sospiżi.

Share With: