Raġel bla dar jisraq xorb minn ħwienet

Żagħżugħ ta’ 29 sena mis-Somalja li m’għandux indirizz fiss fejn joqgħod kien ikkundannat 14-il xahar ħabs wara li ammetta li fi tliet okkażjonijiet matul dan ix-xahar seraq xorb u telefon ċellulari minn ħwienet.

Abdiaziz Hassan Ibrahim ammetta li fil-21 ta’ April, għall-ħabta tal-5.30 p.m. mill-Convenience Store f’Ta’ Xbiex, seraq fliexken tax-xorb b’dannu għal Neil Sammut.

Huwa wieġeb ħati wkoll li fit-23 ta’ April li għadda, għall-ħabta tal-9.50 a.m. mill-ħanut “Ta’ Gomu” fl-Imsida, serq telefon ċellulari b’dannu għal Teohar Gjorgiev.

L-aħħar serqa li ammetta li wettaq seħħet fl-24 ta’ April, għall-ħabta tat-8.25 a.m., minn Oriental BD tal-Imsida fejn ħa fliexken tax-xorb b’dannu għal Sajib Das.

Ibrahim wieġeb ukoll ħati li kiser sentenza mogħtija mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fit-28 ta’ Novembru 2019 fejn kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sitt xhur.

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri mill-Ispettur Jonathan Ransley waqt li għalih deher l-Avukat Mark Mifsud Cutajar.

Share With: