Rekord ta’ swab tests kontra l-coronavirus

Matul il-jum tal-bieraħ saru 993 swab test

Ilbieraħ saru 993 swab tests għall-Covid-19. Dan huwa l-akbar ammont ta’ testijiet li saru f’ġurnata waħda f’pajjiżna s’issa.

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema tas-saħħa li jaħdmu fil-laboratorju u fiċ-ċentri fejn jittieħdu s-swabs.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci dejjem emfasizzat li kemm jista’ jkun qed jiżdiedu l-iswab tests biex dawk infettati jinqabdu kemm jista’ jkun kmieni. Dan iwassal biex it-tixrid tal-virus tiġi kkontrollata, bil-curve tal-każi ġodda f’pajjiżna tibqa’ kemm jista’ jkun baxxa.

Dan iwassal biex ma tintefax pressjoni żejda fuq l-isptarijiet, l-istess bħalma qed jiġri f’pajjiżi oħrajn fejn kienet reġistrata żieda esponenzjali f’qasir żmien ta’ persuni infettati bil-coronavirus.

Intant wara li lbieraħ tħabbru 52 każ ġdid, it-total tal-persuni li ġew infettati bil-Covid-19 f’pajjiżna issa tela’ għal 293. Dan it-total jinkludi l-ħames pazjenti li rkupraw għal kollox mill-virus.

Share With: