Renzo Ulivieri jikkritika l-attitudni tal-clubs Taljani

Il-president tal-assoċjazzjoni tal-coaches Taljani, Renzo Ulivieri, kien qed jitkellem dwar il-fatt li l-klabbs tas-Serie A kienu qed jikkunsidraw li jnaqqsu s-salarji tal-players tagħhom peress li l-problema tal-Covid-19 baqgħet tippersisti.

Ulivieri qal li m’għandu xejn kontra din il-proposta għalkemm wieħed irid joqgħod attent mill-attitudni li biha l-istess clubs qed ikellmu lil dawk kollha involuti.

Fil-frattemp, il-clubs tal-ogħla diviżjoni Taljana għadhom ma laħqux ftehim mal-assoċjazzjoni tal-players kemm se jkun il-persentaġġ li se jinqatagħlhom mis-salarju preżenti tagħhom.

Ulivieri, li fil-passat mexxa lil Bologna, qal li l-clubs qed jgħaġġlu u mhux qed iqisu ċerti affarijiet. Hu qal li importanti li f’dan ir-rigward ikun hemm diskussjoni profonda bejn dawk kollha involuti sabiex jintlaħaq xi forma ta’ ftehim.

Ulivieri sostna li xi membri fi ħdan l-assoċjazzjoni tiegħu kienu lesti li jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom iżda ċċara wkoll li hemm ukoll coaches oħra li jmexxu kategoriji oħra ta’ players li wkoll iridu jieħdu l-ħlas ta’ xogħlhom.

Hu temm jgħid li jrid ikun hemm aktar diskussjonijiet fit-tul u kulħadd jiġbed ħabel wieħed sakemm tinstab soluzzjoni temporanja iżda effettiva.

Share With: