Sadio Mane jista’ jħalli lil Liverpool fis-sajf li ġej

Jidher li Sadio Mane kien ferm irrabjat meta sar jaf li l-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp kien ta s-sapport tiegħu lil Virgil van Dijk biex jirbaħ il-Ballun tad-Deheb matul Diċembru li għadda.

L-attakkant mis-Senegal impressjona bis-sħiħ mindu ngħaqad mar-Reds mingħand Southampton fl-2016 għas-somma ta’ £34 miljun fejn skorja 77 goal f’161 partita u kellu rwol kruċjali fir-rebħ tal-UEFA Champions League matul is-sena li għaddiet.

Dan filwaqt li matul dan l-istaġun kellu rwol strumentali biex Liverpool bnew vantaġġ ta’ 25 punt fil-quċċata tal-Kampjonat Premier fl-Ingilterra. Iżda Mane qed ifittex li jitlaq lil Liverpool fost frustrazzjoni ma’ Klopp wara li pubblikament dan issapportja lil Van Dijk fil-finali tal-Ballun tad-Deheb.

CLICK TO PLAY

Għalkemm qasam l-unur taż-‘Żarbun tad-Deheb’ tal-istaġun li għadda ma’ sieħbu ta’ Liverpool Mohamed Salah u mal-attakkant ta’ Arsenal Pierre-Emerick Aubameyang, il-player ta’ 28 sena spiċċa fir-raba’ post fil-klassifika finali tal-Ballun tad-Deheb.

Min-naħa tiegħu Van Dijk li rebaħ l-unuri tal-FIFA Men’s Player of the Year, UEFA Men’s Player of the YEAR u l-PFA Player of the Year għall-wirjiet li kellu fl-istaġun 2018-19, kien qed jissemma’ li kien favorit li jirbaħ ukoll il-Ballun tad-Deheb, liema unur spiċċa biex intrebaħ minn Lionel Messi.

Fi kliem Klopp innifsu: “Matul l-istaġun li għadda u mhux biss, ma nistax niftakar li xi ħadd kellu staġun iktar impressjonanti bħala difensur. U għalhekk kien ikun ġust li kieku Van Dijk rebaħ il-Ballun tad-Deheb.”

Jidher li Mane kien diżappunta b’dan il-kliem min-naħa ta’ Klopp, fejn issa jidher li qed iberren f’moħħu li jħalli lil Liverpool matul is-sajf li ġej. Real Madrid qed jissemmew bħala favoriti li jakkwistawh, għalkemm Mane għandu kuntratt mat-team minn Anfield li jwassal sal-2023.

Intant, f’kumment li għadda riċentement l-attakkant mis-Senegal Keita Balde, huwa qal li jemmen li Mane jista’ jħalli lir-Reds fil-futur qrib hekk kif jemmen li dan tal-aħħar ma jixtiqx li jilgħab għal dejjem ma’ Liverpool. Huwa mifhum li jekk Real Madrid ikomplu bl-interess tagħhom f’Mane u jirnexxielhom jakkwistawh mingħand Liverpool, biex jagħmlu dan, huma jridu joħorġu s-somma ta’ xejn inqas minn £130  miljun, biex b’hekk Sadio Mane jsir it-tieni l-aktar player li sewa’ flus fi trasferiment fl-istorja tal-football.

Share With: