SCOPE tbassar riċessjoni għall-2020; L-ekonomija globali se tiċkien b’0.5%

Scope tbassar li l-impatt ekonomiku tal-COVID-19 hu wieħed li joħloq riskji sinjifikanti

Minn MELVIN FARRUGIA

L-aġenzija tal-kreditu Scope Ratings qiegħda tbassar li wara l-ewwel nofs tas-sena li ġie affettwat mit-tixrid tal-Coronavirus, l-ekonomija globali se tiċkien b’0.5% matul din is-sena.

Fir-rapport tagħha, Scope tbassar li l-impatt ekonomiku tal-COVID-19 hu wieħed li joħloq riskji sinjifikanti hekk kif l-ekonomija tad-dinja taqa’ f’riċessjoni. Tispjega li din ir-riċessjoni globali se tkun l-aktar waħda akuta u fonda sa mill-kriżi finanzjarja globali li kellna fl-2009 meta l-ekonomija globali ċkienet b’0.1%.

Skont l-aġenzija, ebda mill-ekonomiji l-kbar tad-dinja mhi se teħles mill-impatt macro-ekonomiku u fuq is-settur finanzjarju tal-COVID-19. Fil-fatt, tbassar li l-ekonomija fiż-Żona Ewro se tiċkien b’6.5%, fejn l-akbar tnaqqis mistenni jkun fi Spanja (madwar 8%), fl-Italja (madwar 7.5%), fil-Ġermanja (madwar 5.2%) u fi Franza (madwar 6.3%).

Min-naħa l-oħra, iċ-Ċina mistennija tagħmel biss tkabbir ta’ 4%, filwaqt li l-Istati Uniti għandhom jaraw l-ekonomija tiċkien bi 3.5%. Il-Ġappun mistenni jara tnaqqis ta’ 4%.

Il-Kap tal-Finanzi Pubbliċi ma’ Scope, Giacomo Barisone qal li din ir-riċessjoni se jkollha impatt doppju fuq ir-ratings tal-kreditu sovrani. Spjega li l-implikazzjonijiet tal-kriżi huma relatati l-aktar mas-severità u l-ammont ta’ żmien kemm se ddum din is-sitwazzjoni fejn hemm riskji li qed jiżdiedu minħabba self li mhux irendi, qgħad u korporazzjonijiet li qed jieqfu.

Saħaq li l-implikazzjonijiet strutturali jikkorrispondu mal-mobilizzazzjoni straordinarja ta’ politiki monetarji u fiskali, intenzjonati biex jirrispondu għall-impatt ekonomiku ta’ din il-kriżi. Dawn mistennija jżidu r-rati tad-djun fuq żmien twil u jdgħajfu s-settur privat, flimkien mal-bilanċ tal-gvernijiet.

Ir-rapport jgħid li l-aktar pajjiżi esposti huma ċ-Ċina, il-Ġappun, l-Italja, Spanja u t-Turkija.

Share With: