Sentejn probation għal Amerikan li jbati mill-problema tal-alkoħol u li refa’ jdejh fuq martu

Amerikan ta’ 33 sena tressaq b’arrest il-Qorti fejn ġie mixli li f’żewġ ċirkostanzi separati, fit-22 ta’ Marzu u fl-10 ta’ April, refa’ jdejh fuq martu.

Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Colin Sheldon qalet li kemm ir-raġel, kif ukoll martu ibatu minn problema ta’ alkoħol.

Il-Prosekuzzjoni spjegat lill-Qorti li l-ewwel rapport ta’ vjolenza domestika kien sar lill-Pulizija fit-22 ta’ Marzu. Il-Pulizija kienu marru fuq il-post fejn sabu lill-mara bi ġrieħi ħfief barra r-residenza tagħha, b’żewġha rieqed ġewwa. Anke l-akkużat kien qed isofri minn ġrieħi ħfief.

Peress li dan kien l-ewwel inċident, l-akkużat ingħata ċans ieħor, madankollu fl-10 ta’ April il-Pulizija reġgħu ssejħu fuq il-post fejn din id-darba sabu lill-akkużat barra mir-residenza bi ġrieħi ħfief u dmija, b’martu wkoll tinsab bi ġrieħi ħfief.

L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu.

Fid-dawl ta’ dan il-Qorti tat lill-akkużat probation ta’ sentejn u ordnat li jirċievi trattament għal sentejn biex jindirizza l-problema ta’ alkoħol li jsofri minnha.

Il-Qorti tat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur martu għal tliet snin.

Share With: