Sewwieq ta’ mutur isofri ġrieħi gravi f’allegat ‘hit and run’ fis-Salini

Raġel ta’ 25 sena ta’ nazzjonalità Portugiża, residenti l-Imsida, kmieni dalgħodu ttieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.15 a.m. fi Triq Tul il-Kosta fejn ir-rawndebawt tas-Salini.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li kien seħħet ħabta bejn mutur tal-għamla Husovarna SM610 mijsuq mir-raġel ta’ 25 sena u vettura oħra, li skont is-sewwieq tal-mutur, telqet minn fuq il-post tal-inċident.  

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna fuq il-post, bis-sewwieq tal-mutur ittieħed l-isptar b’ambulanza. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi. 

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja, waqt li qed ssir tfittxija għall-vettura involuta fil-ħabta.

Share With: