Sfida wara oħra għall-Prim Ministru fl-ewwel 100 jum

F’ċirkostanzi normali l-ewwel 100 jum ta’ politiku fil-kariga ta’ mexxej ta’ pajjiż jkunu meqjusin bħala l-perjodu tal-“honeymoon’ imbagħad ikun irid jibda jiffaċċja l-isfidi kbar li kariga bħal din iġġib magħha.

Imma għall-Prim Ministru Robert Abela l-ewwel 100 jum mindu mhux biss ħa t-tmexxija tal-Partit Laburista imma anke tal-pajjiż żgur li kienu fost l-iktar iebsin bi sfida wara oħra.

Wara t-taqlib politiku li għadda minnu l-pajjiż lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet, u li fost oħrajn wassal għar-riżenja ta’ Joseph Muscat mill-imsemmija kariga, Abela sab ma’ wiċċu pajjiż li kien sejjer tajjeb ekonomikament għalkemm xi ftit jew wisq f’nofs maltempata politika ikkawżata mill-aħħar żviluppi b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Jekk is-sitwazzjoni fil-partit dehret li rritornat għan-normal, anke jekk il-bidla fit-tmexxija ġabet magħha tibdil mhux biss f’ċertu karigi ministerjali imma anke wħud fil-partit, Abela ġie iffaċċjat b’ċertu sfidi nazzjonali li riedu jiġu indirizzati mill-aktar fis.

Fost dawn kien hemm il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija li f’temp ta’ sitt snin rat daqstant uffiċjali jokkupaw din il-kariga. Minkejja li l-Oppożizzjoni riedet li dan jinħatar biż-żewġ terzi, Abela kien favur li tinħareġ sejħa pubblika kif fil-fatt se jsir u li se tkun segwita minn skrutinju parlamentari.

Sfida oħra li kellha jiffaċċja f’dawn l-ewwel 100 jum tiegħu kienet dik tal-kostruzzjoni bl-inċident fatali fil-Ħamrun, li fih tilfet ħajjitha Miriam Pace, kompla juri kemm għalkemm dan is-settur huwa importanti għall-ekonomija żgur li qed iħalli impatti soċjali daqstant kbir fuq il-komunitajiet lokali.

L-imxija Covid-19 kienet bla dubju l-ikbar sfida għalih u l-gvern li jmexxi hekk kif minbarra l-aspett tas-saħħa l-pajjiż irid jiffaċċja l-impatt li dan il-virus qed iħalli fuq l-ekonomija b’diversi negozji jgħidu li se jkeċċu numru ta’ ħaddiema jew saħansitra jagħlqu.

Il-Gvern nieda pakkett wara ieħor biex jiffaċċja din il-kriżi li laqtet lid-dinja u mhux eskluż li jkompli jifrex l-għajnuna tiegħu kemm-il darba aktar setturi, u aktar ħaddiema, jintlaqtu minn din il-pandemija li bħad-dominos qed taffettwa settur wara ieħor.

Jekk dan kollu ma kienx biżżejjed il-pajjiż issa jinsab f’nofs kontroversja politika wara d-deċiżjoni tal-gvern li għalissa jagħlaq il-portijiet minħabba l-imsemmija pandemija.

Din id-deċiżjoni qasmet lill-pajjiż b’ħafna li jaqblu magħha għax qed jgħidu li dan jassigura kontroll fuq il-marda, kif sar bl-għeluq tal-ajruport għas-safar ġenerali, imma oħrajn qed jinsistu li l-immigranti għandhom jiġu salvati akkost ta’ kollox.

Fost dawn tal-aħħar kien hemm l-għaqda Repubblika li saħansitra fetħet kwerela mal-Pulizija u talbitha tinvestiga lill-istess Abela, lill-Kmandant tal-Forzi Armati u lis-suldati tal-Iskwadra Marittima fejn anke akkużathom bil-qtil ta’ wħud mill-immigranti.

Dawn l-isfidi ma jidhirx li qatgħu qalb Robert Abela fejn huwa stess ikkummenta dwar l-ewwel 100 jum fit-tmexxija tal-pajjiż fejn sostna li mindu nħatar huwa laqa’ b’responsabbilta li jservi lill-pajjiż.

“Kienu jiem twal ta’ ħidma, lejl u nhar, mal-bqija tal-Kabinett biex inkomplu mexjin ‘l quddiem. Ninsab ottimist dwar il-futur. Il-poplu se jkompli jirnexxi u jasal għal aktar suċċessi”, żied jgħid Abela.

Share With: