S’issa salvati madwar 77,000 impjieg grazzi għall-miżuri li ħabbar il-gvern fl-aħħar ġimgħat

F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li f’erba’ ġimgħat kien hemm ’il fuq minn 19,000 telefonata għall-għajnuna.

Qal li f’dan il-perjodu bejn informazzjoni u domandi oħra, il-Malta Enterprise offriet l-għajnuna tagħha lil aktar minn 42,000 persuna.

Rigward it-teleworking scheme Schembri qal li minkejja li dawk approvati huma 77 u li jħallu 214 li qed jistennew l-approvazzjoni, wieħed irid jifhem li dawn qed jiġu approvati f’perjodu ta’ ġranet.

Rigward il-leave tal-kwarantina, kien hemm kważi 1,300 applikazzjoni li minnhom hemm 490 li ġew approvati, bl-oħrajn li qed jiġu approvati.

Rigward l-akbar miżura u l-aktar waħda kumplessa, u li tirrikjedi verifiki sabiex jitnaqqsu l-abbużi minħabba li bħala gvern huwa responsabbli tal-flus li qed jingħataw. Kien hemm żieda fl-applikazzjonijiet bil-maġġoranza tal-applikanti jkunu self-employed.

Qed ikin ikkalkulat li kważi 77,000 persuna qed jibbenefikaw minn dawn l-għajnuniet u li b’hekk s’issa dawn huma kollha impjiegi li s’issa ġew salvati grazzi għall-għaqal ta’ dan il-gvern.

Schembri għamilha ċara li din mhijiex xi tellieqa, u li kull applikazzjoni li se tkun qiegħda tidħol se tkun qiegħda tiġi vverifikata u se tingħata l-għajnuna neċessarja biex jiġu salvati aktar impjiegi.

Spjega li l-pagamenti kellhom jibdew jitħallsu din il-ġimgħa, iżda minħabba ċertu verifiki minħabba r-responsabbilità tan-nefqa minn fondi pubbliċi dan il-proċess qed jieħu ftit aktar żmien. Spjega li la darba dawn jiġu vverifikati bħala każi ġenwini, dawn il-pagamenti se jibdew jitqassmu b’rittmu aktar mgħaġġel.

Schembri spjega dwar “Nieħdu ħsieb llum u għada” u spjega li l-istrateġija ta’ dan il-gvern hija li la darba noħorġu minn din is-sitwazzjoni, inkunu nistgħu nerġgħu nsaħħu l-ekonimija ta’ pajjiżna. Tenna li dan il-gvern se jibqa’ jaħdem id f’id man-negozji biex noħorġu kemm jista’ jkun malajr minn din l-isfida li poġġiet quddiemna l-pandemija tal-COVID-19.

Dwar l-Air Malta, il-Ministru qal li mhux se jippermetti hijack tal-kumpanija minn sezzjoni waħda u tkellem dwar emails li rċieva mingħand bdoti u membri tal-ekwipaġġ fejn qalu li ma jaqblux mal-unjins tagħhom. Żied jgħid li mhux aċċettabbli li sezzjoni tiddetta kif għanda titmexxa kumpanija u esprima rabja li proposta li tkun tiggarantixxi €1,200 lil kull impjegat li qiegħed id-dar ma ġietx aċċettata f’dawn iċ-ċirkostanzi fejn qed jaħdmu żewġ ajruplani biss. Spjega li dawn minn fost il-flotta kollha u li tajjeb li wieħed jifhem li dawn it-titjiriet qed joperaw mingħajr qligħ.

Share With: