Sitt xhur moratorju fuq ħlasijiet lura tas-self

It‑tul tal‑moratorju u t‑tul tal‑perjodu għall‑applikar jista’ jiġi estiż

Il‑Ministru responsabbli għas‑saħħa pubblika, flimkien u f’konsultazzjoni mal‑Ministeru għall‑Finanzi u s‑Servizzi Finanzjarji, ħareġ Moratorju fuq ir‑Regolamenti tal‑Faċilitajiet ta’ Kreditu f’Ċirkostanzi Eċċezzjonali permezz tal‑Avviż Legali 142 tal‑2020. L‑istituzzjonijiet tal‑kreditu u finanzjarji liċenzjati mill‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ġew ordnati permezz ta’ dawn ir‑Regolamenti sabiex joffru sitt xhur moratorju fuq il‑ħlasijiet lura tal‑kapital u l‑imgħax għal min jissellef u li ġie affettwat b’mod negattiv mill‑COVID‑19.

B’konformità ma’ dawn ir‑Regolamenti, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ħareġ id‑Direttiva sabiex jiddefinixxi l‑eliġibbiltà tal‑moratorju u kundizzjonijiet oħra relatati mal‑implementazzjoni tal‑provvedimenti tar‑Regolamenti. Il‑moratorju japplika għal faċilitajiet ta’ kreditu li ngħataw qabel l‑1 ta’ Marzu 2020 – kemm jekk huma individwi, households jew negozji – u li jistgħu juru li ġew affettwati ħażin mill‑pandemija. Applikazzjonijet għandhom isiru mal‑istituzzjoni tal‑kreditu jew finanzjarja rispettiva tagħhom sat‑30 ta’ Ġunju 2020. Il‑Ministru għas‑Saħħa, f’konsultazzjoni mal‑Ministru għall‑Finanzi u s‑Servizzi Finanzjarji, jista’ jiddeċiedi li jestendi t‑tul tal‑moratorju u t‑tul tal‑perjodu għall‑applikar. Il‑perjodu ta’ sitt xhur moratorju jibda b’effett mid‑data tal‑approvazzjoni tal‑applikazzjoni.

Dawn huma wħud mill‑punti prinċipali fid‑Direttiva:

  • Il‑moratorju ma jingħatax awtomatikament, u l‑applikazzjoni ta’ min jissellef għandha ssir mal‑istituzzjoni tal‑kreditu jew finanzjarja rispettiva. Il‑moratorju jidħol b’effett meta l‑applikazzjoni tkun approvata. Min jissellef għandu sat‑30 ta’ Ġunju biex japplika. Jekk diġà bdejt moratorju offrut minn min jislef, iżda tħoss li t‑termini skont id‑Direttiva huma aktar vantaġġjużi, tista’ tinnegozja mill‑ġdid it‑termini soġġetti għal ftehim mal‑istituzzjoni tal‑kreditu jew finanzjarja.
  • L‑istituzzjonijiet tal‑kreditu u finanzjarji għandhom id‑dritt li jirrifjutaw l‑applikazzjoni sakemm dan isir skont it‑termini tad‑Direttiva. Madankollu, jekk jogħġbok innota li dawk li jissellfu u li għandhom ħlasijiet lura pendenti datati qabel l‑1 ta’ Marzu 2020 mhumiex eliġibbli għall‑moratorju.
  • Min jissellef jista’ japplika li joqgħod lura mill‑ħlasijiet, kemm tal‑kapital u tal‑imgħax, għal sitt xhur sħaħ, u jista’ jagħżel ukoll li jkompli jħallas l‑imgħax iżda mhux il‑kapital.
  • Il‑ħlasijiet differiti matul il‑moratorju ser jitħallsu waqt estensjoni ta’ sitt xhur tat‑terminu tal‑faċilità ta’ kreditu. Jekk il‑faċilità ta’ kreditu kienet ser timmatura fl‑età tal‑irtirar, il‑ħlasijiet differiti għandhom jinfirxu b’mod uniformi matul it‑terminu li jifdal tal‑faċilità tal‑kreditu wara t‑tmiem tal‑perjodu ta’ moratorju.

Id‑Direttiva 18 inħarġet wara konsultazzjoni mal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u l‑Assoċjazzjoni tal‑Bankiera Maltin.

X’inhu moratorju?

Moratorju huwa sospensjoni temporanja tal‑obbligi ta’ ħlas lura ta’ min jissellef. Għalhekk, dawk li jissellfu u li huma eliġibbli għal dan il‑moratorju ser ikunu jistgħu jipposponu ħlasijiet lura tal‑kapital u/jew tal‑imgħax għal data iktar ‘il quddiem – mingħajr l‑ebda penali jew tariffi ta’ ristrutturar/amministrattivi.

Share With: