Sitwazzjoni taħt kontroll fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far… l-AWAS kienet imħejjija minn qabel

Minn MELVIN FARRUGIA

Minkejja li ċ-ċentri tal-immigranti qegħdin joffru sfida mal-Ewropa kollha, f’dan iż-żmien li fih qed tkun miġġielda l-imxija tal-COVID-19, f’Malta s-sitwazzjoni hi waħda li tidher taħt kontroll. Dwar dan tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-AWAS, Mauro Farrugia li spjegalna fid-dettall x’passi ttieħdu biex tiġi mħarsa s-saħħa tal-persuni fiċ-ċentru u anke tas-soċjetà Maltija b’mod ġenerali. 

X’tibdiliet kellhom isiru fiċ-ċentru miftuħ minħabba ċ-ċirkostanzi li nqalgħu fl-aħħar ġimgħat? Anke peress li jridu joqogħdu f’distanza minn xulxin?

Sa minn meta bdiet il-pandemija Covid-19 madwar id-dinja, l-Aġenzija, b’kollaborazzjoni mal-UNHCR, mill-ewwel bdiet kampanja ta’ informazzjoni b’lingwi differenti biex inqajmu kuxjenza dwar is-sintomi tal-virus u x’għandek tagħmel biex tipprevjeni t-tixrid tal-virus. Filfatt, l-ewwel żewġ każi ġew ikkonfermati għax ir-residenti ħassew is-sintomi u ċemplu l-helpline huma stess. Dan ifisser li l-kampanja edukattiva ħadmet.  

Fuq livell loġistiku, żidna numru ta’ faċilitajiet sanitarji fiċ-ċentru u mill-ewwel bdejna nqassmu prodotti sanitarji bħal maskri, sanitisers u sapun għall-ħasil tal-idejn lil kull resident. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jiddiżinfetta l-post ta’ kuljum, filwaqt li kumpanija privata ġiet ingaġġata biex tidiżinfetta l-kmamar tal-banju kull siegħa. Id-deċiżjoni li nidiżinfettaw l-post ittieħdet qabel iċ-ċentru tpoġġa taħt kwarantina.  

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jiddiżinfetta l-post ta’ kuljum, filwaqt li kumpanija privata ġiet ingaġġata biex tidiżinfetta l-kmamar tal-banju kull siegħa.

Kif qegħdin taħdmu? Il-ħaddiema qegħdin jgħixu b’mod permanenti fiċ-ċentru?

Bħalissa l-ħaddiema mhux qed jgħixu b’mod permanenti fiċ-ċentru. Kull ħaddiem ingħata ilbies protettiv, filwaqt li l-kuntatt mar-residenti ġie limitat ħafna hekk kif biddilna l-mod kif noperaw. Eżempju, fejn qabel l-ikel kien jitqassam f’żoni komuni, issa dan qed jitqassam f’kull kabina b’mod individwali biex innaqqsu milli jinġemgħu numru ta’ nies f’daqqa. Barra minn hekk, spiss qed inġibu frott u ħaxix frisk biex ir-residenti jkunu jistgħu jsajru fil-kabini tagħhom.  

Kif qiegħda tkun is-sitwazzjoni? Il-persuni fiċ-ċentru qed jifhmu x’inhuma ċ-ċirkostanzi u jikkollaboraw? 

Is-sitwazzjoni sa issa kienet waħda kalma, għalkemm ta’ sfida. Dan għax ħadd ma jieħu gost ikollu l-libertà limitata. Mill-bidunett spjegajnilhom kif il-miżuri li qed nieħdu huma l-istess għal kulħadd. Jekk persuna Maltija ġiet ikkonfermata pożittiva għall-virus, trid toqgħod kwarantina f’darha flimkien ma’ kull min jgħix magħha u l-istess qed nagħmlu hawn. Din mhix kwistjoni ta’ razza jew kulur imma ta’ saħħa pubblika. Għandna l-obbligu li nieħdu l-miżuri neċessarji biex nipproteġu s-saħħa tar-residenti fiċ-ċentru u l-kwarantina mandatorja hi mod ta’ kif nagħmlu dan.   

Kemm qed isiru testijiet regolari? 

Kuljum qed isir swabbing ta’ numru ta’ residenti. Dan hu eżerċizzju importanti mmexxi mill-awtoritajiet tas-saħħa flimkien mar-Red Cross, biex isegwu t-tixrid tal-virus. Is-swabbing hu effettiv ħafna minħabba l-fatt li l-maġġoranza assoluta tar-residenti li ttestjaw pożittivi għall-COVID-19 ma wrew l-ebda sintomu marbut mal-virus.

Min-naħa tal-ħaddiema, jekk qegħdin jgħixu permanenti fiċ-ċentru, qed ikollhom ċans ikellmu lill-familji tagħhom? Kif qed iħossuhom il-ħaddiema? Kif qed ikunu protetti minn dawk il-persuni li jistgħu jkunu infettati? 

Nixtieq nagħmilha ċara li l-persuni pożittivi mhux qed jibqgħu fiċ-ċentru iżda qed jingħataw il-kura f’ċentru mediku ieħor f’Ħal Far li beda jopera ftit tal-jiem ilu. Dan iċ-ċentru qed jitmexxa mill-Aġenzija, b’kollaborazzjoni mal-Għaqda tas-Salib l-Aħmar u l-Awtoritajiet tas-Saħħa. Barra minn hekk, dawk ir-residenti li kienu meqjusa medikament vulnerabbli wkoll tmexxew għal ċentru ieħor biex jonqos ir-riskju ta’ infezzjoni. B’hekk naqqasna l-popolazzjoni taċ-ċentru miftuħ b’20%. Qed nagħtu kura tajba, filwaqt li ma żidniex il-piż fuq is-servizz tas-saħħa pubblika. 

Il-persuni pożittivi mhux qed jibqgħu fiċ-ċentru iżda qed jingħataw il-kura f’ċentru mediku ieħor f’Ħal Far li beda jopera ftit tal-jiem ilu.

X’qed jiġri biex iċ-ċentru dejjem jibqa’ jkollu l-provvisti neċessarji?

L-Aġenzija qed tipprovdi l-ikel ta’ kuljum. Dan barra l-provvista ta’ frott u ħaxix frisk li qed nipprovdu kuljum. Qed inqassmu ħafna flixken tal-ilma biex nevitaw li individwi jaqsmu l-ilma bejniethom. Barra minn hekk, ir-residenti xorta għadhom jistgħu jirċievu ikel minn barra, sakemm dan ikun ippakkjat kif suppost biex nevitaw riskju ta’ kontaminazzjoni. Qed nirċievu wkoll donazzjonijiet ta’ ikel minn diversi individwi u NGOs. 

L-AWAS qiegħda tirċievi donazzjonijiet ta’ ikel minn diversi individwi u NGOs.

Peress li dawn il-persuni qed ikollhom joqogħdu ġewwa ċ-ċentru, qed isirulhom xi eżerċizzji fiżiċi? 

Hemm min qed iżomm ruħu attiv fil-kuntest taċ-ċirkostanzi u skont il-pariri li huma ntiżi biex inaqqsu t-tixrid. Ħadna wkoll miżuri biex inżidu l-konnessjoni tal-internet f’kull kabina. Il-WiFi fiċ-ċentru ilu jeżisti sa minn qabel bdiet il-kwarantina, iżda f’dawn iċ-ċirkostanzi kien hemm bżonn aktar ‘hotspots’ biex nevitaw ġemgħat ta’ nies fl-istess post. Qassamna wkoll mijiet ta’ logħob (boardgames) u kotba biex ngħinu lir-residenti jqattgħu l-ħin matul dan il-perjodu. 

Kif qed tara ż-żmien li ġej? 

Ngħixuh b’determinazzjoni bħal kull perjodu ieħor ta’ sfida li jkollna. Wieħed jappella għal diskors meqjus u kontra s-sensazzjonaliżmu li ma jkunx ibbażat fuq il-fatti, li jista’ joħloq tensjoni kemm fiċ-ċentru u kemm lil hinn. Hu fl-interess ta’ kulħadd li s-sitwazzjoni tkun immaniġġjata bl-aqwa mod possibbli u hekk qegħdin nipprovaw nagħmlu. L-impenn tagħna hu li lir-residenti tagħna nkomplu nħarsuhom bl-aqwa mod possibbli. Jekk nagħmlu hekk igawdu huma u tgawdi l-komunità kollha kemm hi. 

Share With: