Spanja takkuża lit-Turkija li kkonfiska ventilators hekk kif il-vittmi fi Spanja tal-Covid-19 ikomplu jiżdiedu

F’dak li qed jirriskja li jeskala f’każ diplomatiku, Spanja qed takkuża lit-Turkija li kkonfiskat mijiet ta’ ventilators u tagħmir sanitarju u mediku li kien destinat għal Spanja.

Uffiċjali Spanjoli qalu li l-Gvern Tork ikkonfiska t-tagħmir mediku biex ikun jista’ jikkura lill-pazjenti tiegħu stess. Dan minkejja li Spanja diġà ħallset flejjes kbar għall-istess tagħmir mediku.

F’konferenza tal-aħbarijiet li żvolġiet ilbieraħ, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Spanjol, Arancha Gonzalez Laya, deher jammetti li falla fit-tentattivi tiegħu li jikkonvinċi lill-Gvern Tork biex jirrilaxxa l-ventilators fil-jiem li ġejjin.

Laya qalet li “t-Turkija imponiet restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ tagħmir mediku”.

Il-ġurnal Spanjol El Mundo rrapporta li l-ventilators ġew manifatturati fit-Turkija għal kumpanija Spanjola li xtrat il-partijiet miċ-Ċina.

Spanja hija wieħed mill-pajjiżi l-aktar milqutin mill-coronavirus, bil-vittmi sal-bieraħ kien jammonta għal 10,935.

Share With: