Teleskola.mt – Sit ġdid b’lezzjonijiet aċċessibbli għal kulħadd

Sit ġdid imniedi mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol bl-isem ta’ teleskola.mt se jkun qed ikompli jagħti aktar opportunità biex kulħadd jista’ jkompli t-tagħlim mid-dar.

F’dan is-sit, numru ta’ edukaturi li qed jiġu flimkien u qed jiddepożitaw numru ta’ lezzjonijiet aċċessibbli għal kulħadd u fih wieħed jista’ jsib lezzjonijiet mill-kindergarden sal-Form 5.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal li dan huwa  kunċett li sar kompletament mill-edukaturi li jaħdmu mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. Dan huwa kunċett ġdid, storiku u bla ħlas.

“Kif nafu l-istudenti tagħna qed jitgħallmu permezz tas-sistema online billi jirċievu l-materjal tagħhom fuq numru ta’ għodod pero dejjem kien hemm ix-xewqa li nissuplimentaw dan it-tagħlim b’riżorsi addizzjonali,” qal Bonnici.

Huwa żied jgħid li x-xewqa tagħhom hija li s-sit teleskola.mt isir ħabib kbir għall-istudenti tagħna. Huwa qal li din hija biċċa xogħol li saret frott l-imħabba tal-edukaturi biex it-tfal ikomplu jsiru jħobbu s-suġġetti li huma jfittxu u appella lill-ġenituri biex jagħmlu użu minn dan is-sit biex ikomplu jarrikkixxu l-vjaġġ formattiv ta’ uliedhom u ulied uliedhom.

Id-Direttur responsabbli mit-tagħlim Gaetano Bugeja spjega li din il-website fiha ammont kbir ta’ riżorsi u lezzjonijiet li l-għalliema Maltin qed jaqsmu ma’ sħabhom l-għalliema, studenti u mal-ġenituri. Huwa qal li malli wieħed jidħol f’dan is-sit se jsib struttura u hemm numru ta’ lezzjonijiet għas-suġġetti kollha li jiġu mgħallma fl-iskejjel tagħna.

Bugeja qal li dan is-sit fih ukoll numru ta’ attivitajiet oħra bħal quizzes u affarijiet li mhumiex relatati mal-curriculum li huma wkoll interessanti biex it-tfal ikunu jistgħu jiskopru affarijiet oħrajn filwaqt li jkomplu jitgħallmu. Huwa ħeġġeġ biex iktar għalliema jaqsmu x-xogħol li għandhom mal-istudenti u l-għalliema l-oħra.

Is-Segretarju Permanenti Frank Fabri qal li meta jkun hemm rieda u l-impenn, ir-riżultat ikun wieħed sabiħ bħal dan is-sit ġdid li ġie mniedi.

Share With: