Terapista tal-familja b’pariri kif nindukraw ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna

Tisħaq li jgħin jekk nippruvaw noħolqu struttura ġdida għall-familja tagħna

Minn MARIA AZZOPARDI

It-terapista tal-familja Karen Bishop tkellmet ma’ Inewsmalta dwar diversi sfidi li qed naffrontaw bis-sitwazzjoni preżenti relatata mal-Covid-19 fejn saħqet li minħabba ċertu stress u anzjetà li jista’ jkun hemm, jista’ jgħin ukoll li mil-lat ta’ familja nippruvaw noħolqu struttura ġdida għall-familja tagħna.

Kif nafu ħafna mill-familji qed jaffrontaw ċirkostanzi li ftit li xejn basru li qatt se jsibu ruħhom fihom. Ħafna minn nies bħalissa jinsabu d-dar tagħhom fejn it-tfal mhux qed jattendu skola u ħafna adulti qegħdin id-dar minħabba raġunijiet ta’ saħħa, jew xogħol mid-dar jew biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb lil uliedhom.

It-terapista tal-familja qalet li ta’ min wieħed jgħid li l-akbar sfida li qed jaffaċċjaw il-familji hija fil-każ fejn membri li biex ikomplu bil-ħidma tagħhom xorta waħda qed joħorġu mid-dar, bħall-ħwienet tal-merċa, infermiera u ħafna xogħolijiet oħra.

“Wiehed jifhem l-anzjetà li jridu jġorru, hekk kif avolja bil-prekawzjonijiet neċessarji, iridu jibqgħu jiltaqgħu mal-pubbliku u jesponu ruħhom għar-riskju ta’ mard. Għandi nifhem li x-xewqa tagħhom tkun biss dik li jinġabru id-dar mal-għeżież tagħhom,” qalet Bishop.

L-akbar sfida li qed jaffaċċjaw il-familji hija fil-każ fejn membri li biex ikomplu bil-ħidma tagħhom xorta waħda qed joħorġu mid-dar, bħall-ħwienet tal-merċa, infermiera u ħafna xogħlijiet oħra

Sfidi ġodda.. anke għal min qiegħed id-dar

Hija qalet li ta’ min wieħed jgħid li min qiegħed id-dar ukoll qed jaffaċċja sfidi ġodda. “Bħala terapista tal-familja jien bqajt niltaqa’ mal-individwi u l-familji b’mezzi online, u b’mod inevittabli l-maġġoranza kbira xtaqu jiddiskutu kif din ir-realtà ġdida qed taffettwa r-relazzjonijet ta’ bejn il-koppji u anki mal-ulied għal min għandu it-tfal. L-ikbar tema li ltqajt magħha kienet li daż-żmien ma ġabx miegħu dak li ħafna xtaqu,” qalet Bishop.

Hija żiedet tgħid li probabbli qabel ma sibna ruħna f’dis-sitwazzjoni ħafna minna qalu “Mank nagħmel ħmistax id-dar! Kemm nagħmel xorti!” “Dan forsi bil-fantażija ta’ ħin ta’ rilassament, tisjir elaborat u forsi xi xogħol ġewwa d-dar bħal tibjid, jew manutenzjoni. Pero ħafna sabu li daż-żmien ġab miegħu bosta nkwiet u anzjetà dwar saħħitna, dwar l-għeżież tagħna li forsi huma vulnerabbli jew dwar is-sigurtà tal-impieg,” spjegat Bishop.

Hija qalet li allura ħafna sabu ruħhom mimlijin b’anzjetà li affetwat il-konċentrazzjoni u anke l-aptit li wieħed juża’ l-ħin b’mod produttiv. Għalhekk, ħafna spiċċaw imwaħħlin mat-televixin jew ma’ Facebook jaraw b’mod kontinwu l-aħbarijiet dwar il-Covid 19. Hija qalet li t-tfal, speċjalment iż-żgħar li ma jifhmux eżatt ir-raġuni ta’ għalfejn ma jistgħux joħorġu jew imorru jaraw il-kuġini jew in-nanniet,  forsi jesprimu l-frustrazzjoni billi jilmentaw xi ftit iktar mis-soltu. 

“Ma jfissirx li għandna nagħmlu ġurnata mitluqin fuq is-sufan nqallbu fuq il-mobile”

Wieħed mill-pariri li tagħti t-terapista tal-familja huwa li naċċettaw li dan huwa żmien partikolari u ma nistgħux nippretendu minna nfusna illi kollox jibqa’ għaddej qisu mhu xejn. Fil-fatt din ir-realtà li qed ngħixu bilfors iġġib magħha xi ftit stress, hekk kif kulħadd ikun fuq ix-xwiek biex jara kif l-affarijiet jiżviluppaw bix-xewqa li kulħadd jibqa’ b’saħħtu. 

Hija qalet pero li dan lanqas ma jfisser li allura għandna nagħmlu ġurnata mitluqin fuq is-sufan nqallbu fuq il-mobile. “Dan mhux tajjeb għas-saħħa mentali tagħna. Li wieħed isegwi l-awtoritajiet tas-saħħa huwa importanti, u jtuna stampa realistika u ċara tas-sitwazzjoni ta’ pajjiżna u kif nieħdu ħsieb saħħitna. Li naqraw stejjer online, mingħajr ma nafu x’inhu veru u x’inhu ivvintat jtina biss uġiegħ ta’ ras bla bżonn,” żiedet tgħid.

Jgħin li nippruvaw noħolqu struttura ġdida għall-familja tagħna

It-terapista tal-familja qalet li jgħin huwa li nippruvaw noħolqu struttura ġdida għall-familja tagħna. Għal din ir-raġuni hija tisħaq li jekk wieħed għandu t-tfal, għandu jinstab ħin fil-ġurnata fejn isir ix-xogħol tal-iskola, ħin biex isajru u ħin biex iċemplu lill-għeżież tagħhom li mhux qed jiltaqgħu magħhom bħalissa.  

Hija spjegat li, “meta t-tfal ikunu jafu x’inhu mistenni minnhom u jsibu rutina ġdida l-imġieba tkun ahjar u jikkoperaw izjed. Lill-koppji ngħid biex jieħdu ħsieb xulxin u ma jħallux ilsienhom jiġri bihom hekk kif kultant il-frustrazzjoni li jkollna noħorġuha fuq xulxin. Din hija sitwazzjoni ġdida għat-tfal u għall-kbar u normali li nbatu xi ftit sakemm insibu rutina komda. Issa iktar minn qatt qabel irridu nirsistu biex inkunu team.”

Hija żied tgħid, “flok nahseb jien x’neħtieġ għandi nistaqsi “Il-partner tiegħi x’għandu/x’għandha bżonn minn għandi f’daż-żmien?” Tant ieħor important li nistaqsi l-partner tiegħi dwar kif inhu/kif inhi iktar milli nassumi u nagħmel li jidhirli jien.” 

“Lil uliedna għandna nagħtuhom iċ-ċans li jesprimu x’qed iħossu”

It-terapista tal-familja tkellmet ukoll dwar kif wieħed għandu jagħti ċans lit-tfal biex jesprimi dak li jkunu qed iħossu. Hija spjegat li huwa importanti biex lil dawk it-tfal li tfarfru u jifhmu xi ftit ikollhom spazju fejn isaqsu li jridu fuq is-sitwazzjoni preżenti.

“Żgur li semgħu bil-Covid 19 u rawna naraw l-aħbarijiet u nitkellmu dwarha. Allura jistgħu jkollhom xi biża’ dwar in-nanniet jew sħabhom tal-iskola. Tajjeb li nwieġbu l-mistoqsijiet tagħhom b’onestà imma b’lingwaġġ adattat għall-età tagħhom. It-tfal jistgħu jħossu ukoll l-inkwiet tagħna l-ġenituri u jsibuha diffiċli jesprimu bil-kliem u minflok jimmanifestaw dan permezz ta’ imġieba ħażina,” qalet Bishop.

Hija żiedet tispjega li filwaqt li rridu nwidbuhom ukoll noqgħodu attenti li nifmuhom. “X’qed jippruvaw jgħidulna? Li forsi għandhom bżonn ftit attenzjoni, jew nilgħabu magħhom. Għat-tfal jgħin ħafna li jagġmlu xi crafts jew naqraw xi storja sabiha flimkien biex jgħaddu iż-żmien b’mod seren. Lil adulti nagħmel il-kuraġġ biex ukoll isibu ftit ħin ta’ rilassament flimkien u jgħidu kelma. Hekk meta l-ħajja tmur lura għar-rutina normali nkunu kburin li ħadna ħsieb il-familji tagħna mhux biss fis-saħħa fiżika imma komplejna nindukraw ir-relazzonijiet ta’ bejnietna,” temmet tgħid it-terapista tal-familja.

Share With: