Titħabbar il-mewt ta’ Frans “Lula” Bonnici

It-Tlieta tħabbret il-mewt tal-player leġġendarju ta’ Birkirkara, Frans “Lula” Bonnici, fl-etá ta’ 85 sena.

Huwa għamel id-debutt tiegħu mal-Istripes … fl-etá ta’ 18-il sena, 7 xhur u 4 ijiem … nhar it-13 ta’ Diċembru, 1952, fir-rebħa ta’ 2-1 fuq Hibernians. Bla dubju, dan id-debutt tiegħu kien wieħed tal-ħolm meta skorja l-goal tar-rebħa fil-ħin miżjud wara li Jean Claude Coulon (59) fetaħ l-iskor għall-Pawlisti filwaqt li Kenneth Valenzia (83) kien kiseb id-draw momentarju għall-Karkariżi.

Fil-karriera ta’ 20 sena, huwa dejjem lagħab ma’ Birkirkara li 12-il staġun minnhom kienu fl-ogħla diviżjoni fejn b’kollox lagħab aktar minn 200 partita.

Fl-istaġun 1964/65 huwa kien l-aqwa skorer tat-Tieni Diviżjoni fejn irnexxielu jiskorja 17-il goal.

L-aħħar partita tiegħu fil-kampjonat kienet ukoll kontra Hibernians, nhar l-14 ta’ Mejju, 1972, iżda f’dik id-darba kienu l-Pawlisti li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.

Imbagħad, l-aħħar darba li libes il-flokk tal-Istripes kien nhar it-28 ta’ Mejju, 1972, fil-kwarti-finali tal-FA Trophy kontra Gzira United, bil-Maroons joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.

Huwa lagħab partita waħda mat-team naz­zjonali, nhar it-8 ta’ Marzu, 1964, fil-logħba ta’ ħbiberija kontra Italia C li ntlagħbet fl-Empire Stadium, bit-Taljani joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0. Huwa kien daħal bħala sostitut fil-post ta’ Eddie Theobald.

Filwaqt li kien l-ewwel player ta’ Birkirkara li libes il-flokk nazzjonali, Bonnici, kien is-37 player li lagħab għal Malta.

Minn dawn il-kolonni noffru l-kondoljanzi lill-familja Bonnici.

Fir-ritratt, Bonnici jidher quddiem fuq ix-xellug.

Share With: