Titħabbar il-mewt tal-leġġendarju Norman Hunter

L-ex difensur ta’ Leeds United, Norman Hunter, miet fl-etá ta’ 76 sena wara li tilef il-battalja tiegħu kontra l-coronavirus.

Hunter li deher għal aktar minn 700 darba bil-flokk abjad ta’ Leeds United f’karriera ta’ 13-il staġun, ġie ttestjat pożittivi b’dan il-virus qerriedi fil-bidu ta’ dan ix-xahar u kien qiegħed taħt il-kura tat-tobba u infermiera fi ħdan l-NHS. Huwa ttieħed l-isptar mill-ewwel iżda wera sintomi ta’ qtugħ ta’ nifs u sogħla qawwija.

Il-club ta’ Leeds United ħareġ stqarrija fejn urew is-sogħba tagħhom għat-telfa ta’ dan il-player leġġendarju Ingliż. L-istess stqarrija qalet li Hunter ħalla vojt kbir bil-mewt tiegħu minħabba li kien parti mill-istorja glorjuża ta’ dan il-club.

Norman Hunter twieled nhar id-29 ta’ Ottubru 1943, f’Eighton Banks County, Durham, u ħalla l-iskola ta’ 15-il sena sabiex jilħaq electrician. Waqt li kien qed jilgħab ma’ Birtley Juniors, huwa ġie nnutat minn scout ta’ Leeds li mill-ewwel ħadu miegħu biex jiffirma kuntratt u fl-etá ta’ 18-il sena ddebutta proprju kontra Swansea Town. Huwa għen lil dan it-team jikseb il-promozzjoni mit-Tieni għall-Ewwel Diviżjoni filwaqt li ta kontribut biex jirbħu darbtejn il-kampjonat Ingliż, darbtejn it-tazza tal-Fieri u suċċessi oħra bħal League Cup, Charity Shield u l-FA Cup.

Hunter kien jilgħab fil-qalba tad-difiża u kien magħruf sew bħala player li diffiċli tgħaddi minn miegħu. Huwa kellu ċ-ċans jirrapreżenta lil pajjiżu 28 darba u kien ukoll parti mit-team rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja li saret fl-Ingilterra stess, fl-1966.

Fl-1974 Hunter ġie vvutat bħala l-aqwa player tal-kampjonat.

Share With: