Tliet immigranti fost disa’ każijiet ġodda

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Professur Charamaine Gauci qalet li minn 1051 swab tests kien hemm disa’ persuni li ġew konfermati bħala każijiet ġodda tal-Covid-19 f’pajjiżna. B’hekk it-total ta’ dawk infettati tela’ għal 393 każ.

Disa’ każijiet ġodda fl-aħħar sigħat:

-Malti ta’ 71 sena li fil-11 t’April beda bis-sintomi. Dan il-persuna huwa pensjonant u ma jaħdimx u kellu biss kuntatt mal-familja tiegħu.
-Mara Maltija ta’ 50 sena li fl-4 t’April bdiet bis-sintomi. Minkejja taħdem din il-mara ma kinitx qed taħdem u b’hekk ma kellhiex kuntatt għajr ma dawk tal-familja.
-Raġel ta’ 48 sena li beda bis-sintomi fil-11 t’April. Huwa ħadem l-aħħar fid-9 t’ April u b’hekk ma kellux kuntatt għajr ma dawk tal-familja.
-Mara ta’ 34 sena ta’ nazzjonalità Indjana li taħdem f’dar tal-anzjani. Fortunatament din il-persuna ħarġet pożittiva qabel daħlet għax-xogħol. B’hekk dan il-każ hu kkontrollat u l-mara tibqa’ fi kwarantina sakemm tirriżulta negattiva.
-Raġel ta’ 30 sena li beda bis-sintomi fil-11 t’April. Qed isir contact tracing ma’ tal-familja u fuq il-post tax-xogħol.
-Tfajla ta’ 23 sena ta’ nazzjonalità Ingliża li tirrisjedi u taħdem hawn Malta. Hija bdiet bis-sintomi fis-6 t’ April. Hi marret l-aħħar fuq il-post tax-xogħol ġurnata qabel. Hija taħdem f’kumpanija privata.

Tliet immigranti miċ-ċentru ta’ Ħal Far:

Gauci spjegat li saru 20 test u minn dawn ħarġu tlieta pożittivi.

Raġel ta’ 23 sena li kien ġie mill-Kosta tal-Avorju
Raġel ta’ 18-il sena li kien ġie mit-Tuneżija.
Raġel ta’ 25 sena li kien ġie mis-Sudan.

Rigward ir-riżultati tat-test, Gauci qalet li jintbagħtu SMS’s, Imejl jew f’ċertu każi fejn persuni li ma jagħmlux użu mill-mowbajl, dawn ikollhom jiġu kkuntattjati persuna persuna.

Gauci qalet li t-testijiet isiru f’erbgħa jew ħames gruppi u li b’hekk dan jiddependi fuq kemm idumu biex dawk li jagħmlu t-test jirċievu r-riżultati tagħhom. Gauci appellat biex dawk il-persuni li ma jużawx il-mowbajl, il-maġġoranza tagħhom anzjani, biex jgħaddu numru fejn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jgħaddu r-riżultat b’metodu aktar faċli u effiċjenti.

Gauci tenniet li tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li l-laboratorju qed jara fih aktar minn 1,000 test kuljum u b’hekk jeħtieġ li tiżdied l-effiċjenza ta’ dan il-proċess.

Share With: