Tliet xhur ħabs għal player Serb wara li kiser il-curfew tal-coronavirus

Il-player Serb, Aleksandar Prijovic, ġie kkundannat tliet xhur detenzjoni fid-dar tiegħu talli kiser il-curfew tal-coronavirus f’Belgrad.

Prijovic, ta’ 29 sena, li jilgħab mal-club tal-Arabja Sawdita, Al-Ittihad, ġie arrestat flimkien ma’ 19 oħra talli nġabru fil-bar tas-sala tad-dħul ta’ lukanda f’Belgrad, nhar il-Ġimgħa.

Is-Serbja bħalissa għandha fis-seħħ ordni ta’ sospensjoni mill-5.00 pm sal-5.00 am f’tentattiv biex tiġġieled kontra l-pandemija Covid-19, b’dawk li jiksru l-miżuri jiffaċċjaw sa tliet snin ħabs.

Prijovic wieġeb li huwa ħati li kiser il-curfew waqt proċess permezz tal-video f’Belgrad nhar is-Sibt, bl-attakkant jingħata piena ta’ tliet xhur detenzjoni f’daru.

Prijovic huwa t-tieni player tal-football Serb li nqabad jikser l-ordnijiet tal-lockdown fid-dar wara li l-attakkant ta’ Real Madrid, Luka Jovic, kiser id-digriet tal-istat ta’ emerġenza meta attenda l-festin ta’ għeluq snin it-tfajla tiegħu f’kafetterija f’Belgrad ix-xahar li għadda.

L-attakkant ta’ 22 sena, irritorna s-Serbja minn Spanja f’nofs Marzu u ġie rrappurtat li deher fit-toroq ta’ Belgrad, minkejja li l-pajjiż impona iżolazzjoni voluntarja ta’ 28 jum għal dawk kollha li jirritornaw mill-pajjiżi li qed jikkumbattu l-virus.

Jovic talab apoloġija fuq Instagram, għalkemm il- president Serb, Aleksandar Vucic, wissa lill-attakkant li jiġi arrestat jekk jerġa’ jitlaq mill-appartament tiegħu waqt il-lockdown.

Share With: