Tmut l-anzjana Għawdxija ta’ 92 sena; “Din mhux se tkun l-ewwel u l-aħħar mewt kaġun tal-Covid-19”

F’konferenza tal-aħbarijiet li żvolġiet ftit tal-ħin ilu u li kienet indirizzata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, tħabbret l-ewwel mewt f’Malta kaġun tal-Covid-19.

Il-vittma hija mara anzjana Għawdxija ta’ 92 sena li kienet tbati minn numru ta’ kundizzjonijiet mediċi oħrajn fosthom, mard fil-kliewi, dijabete, mard tal-qalb fost kundizzjonijiet oħrajn.

F’dak deskritt minn Fearne u mill-Profs. Gauci bħala jum ta’ dieqa għall-pajjiż kollu, il-Ministru għas-Saħħa wissa li “sfortunatament din mhux se tkun l-ewwel u l-aħħar mewt kaġun tal-Covid-19”.

Huwa żied jgħid li l-mara kienet meqjusa bħala vulnerabbli ħafna, kemm minħabba l-età avvanzata tagħha u kif ukoll minħabba l-kundizzjonijiet mediċi li minnhom kienet issofri.

Fearne żied jgħid li Malta mhix differenti minn pajjiżi oħrajn. Fl-istess waqt tenna r-rieda tal-awtoritajiet li jitnaqqsu kemm jista’ jkun in-numru ta’ persuni infettati bil-coronavirus, u li jidħlu l-isptar għall-kura u li jkunu jinħtieġu l-kura intensiva. Dan, huwa qal, iwassal biex in-numru ta’ vittmi tal-Covid-19 jibqa’ baxxa kemm jista’ jkun.

Filwaqt li emfasizza l-ħtieġa li nibżgħu għal dawk in-nies vulnerabbli il-Gvern qal li quddiemu kellu żewġ għażliet x’jista’ jieħu. Waħda kienet li jittieħdu l-miżuri biex tiġi mħarsa s-saħħa tal-pubbliku, bl-għażla l-oħra tkun dik li jitħares l-interess ekonomiku askapitu tas-saħħa. Tenna li l-Gvern poġġa l-ewwel is-saħħa.

B’referenza għall-jiem tal-Għid, huwa qal li din is-sena, dawn il-jiem ta’ festa se jkunu differenti minn tas-snin preċedenti. Saħaq li minkejja li f’dawn il-ġranet il-familji Maltin jingħaqdu flimkien, din is-sena wieħed irid jibża’ minn dawn l-attivitajiet ta’ ġabra ta’ nies.

Share With: