Tottenham idawru d-deċiżjoni li jibagħtu lill-impjegati fuq leave sfurzat

Tottenham Hotspur bidlu d-deċiżjoni tagħhom sabiex jużaw l-iskema tal-gvern għall-ħaddiema anċillari u staff ieħor wara kritika kbira li kellhom mill-partitarji tal-club li dehru rrabjati għas-sid tagħhom Daniel Levy. Dawn l-istess partitarji qed jirraġunaw li ċ-chairman ta’ Tottenham, li qala’ somma totali ta’ €7 miljun is-sena l-oħra biss, qed jara l-flus u xejn aktar. Ħafna ddeskrivewh bħala rgħib lejn il-ħaddiema tiegħu li jagħmlu xogħol impekkabbli fil-club li għandhom f’Londra. 

Fi stqarrija li ħarġu fuq is-sit elettroniku tagħhom, Tottenham iddikjaraw li l-ħaddiema se jkunu qed jirċievu l-paga sħiħa u mhux se jkun hemm tnaqqis jew inkella bżonn li japplikaw għall-iskema tal-Gvern Ingliż. Il-club għandhom 550 impjegat jaħdmu miegħu u fi stqarrija Daniel Levy sostna li jinsab dispjaċut li l-partitarji akkaniti tagħhom dehru urtati b’dak li ppropona aktar qabel.

Fil-fatt il-klabb tal-partitarji magħruf bħala THST, il-Ġimgħa li għadda ħarġu stqarrija fejn ċanfru l-miżuri li kienu se jittieħdu mill-club ta’ Londra u ħeġġew sabiex jirrevedu din id-deċiżjoni.

Donnu li x-xewqa tal-partitarji saret realtá minħabba li l-ogħla awtoritajiet ta’ Spurs ikkunsidraw il-fatturi kollha involuti u ħarġu bil-konklużjoni li jkun aħjar li dawn il-ħaddiema jingħataw il-paga tagħhom sħiħa. Fl-istess stqarrija huma rringrazzjaw lil dawn il-ħaddiema tax-xogħol imprezzabbli li jagħmlu u talbuhom skuża jekk ikkawżaw xi inkonvenjent.

Mill-banda l-oħra clubs oħrajn mill-kampjonat Premier Ingliż bħal Newcastle United, Bournemouth u Norwich City baqgħu jżommu l-istess filosofija li jpoġġu fuq leave sfurzat lill-impjegati tagħhom li bħalissa mhux li tant qed ikollhom x’jagħmlu. 

Din il-miżura hi suġġett ta’ kritika kbira fejn ħafna huma tal-opinjoni li l-kbir qed ikompli jistagħna filwaqt li ż-żgħir qed ibati ferm u flok jiġi megħjun qed ibati aktar.

Share With: