Trump joħloq għagħa wara li jqis bħala “interessanti” injezzjonijiet ta’ diżinfettant bħala kura kontra l-Covid-19

Il-kumpanija Reckitt Bensicker bi stqarrija biex ħadd ma jagħmel użu mill-prodotti tagħha għal skop mediċinali

Il-kumpanija Dettol kienet waħda mill-kumpaniji li ħarġet stqarrija biex il-pubbliku “fl-ebda ċirkostanza” ma jagħmel użu minn prodotti tat-tindif tagħhom bħala prodott mediċinali biex jikkuraw il-coronavirus. Dan wara li l-President Amerikan Donald Trump qal li prodotti ta’ diżinfettant jistgħu jintużaw biex il-virus jiddgħajjef.

Trump kien fil-mira ta’ kritika ħarxa wara li ssuġġerixxa li “interessanti li wieħed jiċċekkja” jekk injezzjoni ta’ diżinfettant tgħinx lil persuna tfiq mill-coronavirus.

F’konferenza tal-aħbarijiet li żvolġiet fil-White House, Trump qal li riċerkaturi qed jistudjaw l-effetti ta’ diżinfettanti fuq il-Covid-19.

Il-konsulent xjentifiku tiegħu, Dr Deborah Birx, dehret ixxukkjata b’dak li kien qed jgħid il-President.

Intant id-diskors ta’ Trump wassal lil Reckitt Bensicker (RB), il-kumpanija li tipproduċi l-prodotti Dettol u Lysol, biex jagħmel stqarrija bla preċedent fejn skoraġġixxa l-użu ħażin ta’ prodotti għat-tindif tad-dar u diżinfettanti biex jikkuraw il-coronavirus.

Share With: