Trump “mhux kuntent biċ-Ċina” hekk kif l-imwiet fl-Istati Uniti jkunu tilgħin

Il-President Amerikan Donald Trump reġa’ attakka liċ-Ċina dwar il-pandemija tal-coronavirus, u qal li l-Gvern Ċiniż seta’ waqqaf l-imxija tal-virus qabel ma din infirxet madwar id-dinja kollha. Trump anke wiegħed li se jkun qed iwettaq “investigazzjoni serja” dwar l-isforzi taċ-Ċina biex tikkontrolla l-pandemija.

L-attakk bil-kliem ta’ Trump fil-konfront ta’ Beijing wasal hekk kif qal li mas-70,000 persuna fl-Istati Uniti taf tmut kaġun tal-virus qattiel.

“Qed nagħmlu investigazzjonijiet serji dwar dan … M’aħniex kuntenti biċ-Ċina,” qal Trump f’konferenza tal-aħbarijiet. “Hemm diversi modi kif tista’ żżommhom akkontabbli.”

“Nemmnu li l-pandemija setgħet twaqqfet fis-sors tagħha. Setgħet twaqqfet f’temp qasir, u ma kinitx tinfirex madwr id-dinja kollha.”

Il-kritika ta’ Trump kienet l-aħħar minn sensiela li saret mill-amministrazzjoni tiegħu dwar kif iċ-Ċina aġixxiet biex tikkontrolla l-pandemija tal-Covid-19 li bdiet lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet fil-belt ta’ Wuhan.

Preċedentement Trump kien irrefera għall-Covid-19 bħala “virus Ċiniż”, liema kumment kien wassal għal ġlieda bil-kliem ma’ Beijing, bl-amministrazzjoni Ċiniża li min-naħa tagħha takkuża lill-militar Amerikan li ħadet il-marda f’Wuhan.

Share With: