Trump ottimist … L-esperti jaħsbuha mod ieħor

Il-President Amerikan Donald Trump esprima t-tama tiegħu li l-każijiet ta’ Covid-19 fl-epiċentri ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerika qegħdin jonqsu u huwa uża l-espressjoni li qed “jara dawl fit-tarf tal-mina”.

Nhar il-Ħadd li għadda, New York kienet l-epiċentru tal-imxija tal-Covid-19 ġewwa l-Istati Uniti, iżda f’dawn l-aħħar sigħat kien hemm tnaqqis inkoraġġanti f’dak li huma infezzjonijiet u mwiet kawża ta’ dan il-virus.
Trump iddeskriva dan it-tnaqqis bħala “sinjal tajjeb” iżda fl-istess waqt huwa wissa dwar iktar imwiet ġewwa l-Istati Uniti hekk kif l-imxija qiegħda tilħaq “il-milja tagħha” ġewwa dan il-pajjiż. F’indirizz lin-nazzjon dwar din l-imxija, Trump qal li, “fil-jiem li ġejjin, l-Amerika se tkun qiegħda tesperjenza l-milja tal-pandemija.” Huwa tenna li għadd ta’ ħaddiema mediċi kif ukoll provvisti mediċi bħal maskli u ventilators se jkunu qegħdin jintbagħtu lejn dawk l-istati l-iktar milquta.

Deborah Birx, li hija membru tat-task force tal-president dwar il-coronavirus, qalet li s-sitwazzjoni fl-Italja u Spanja; fejn l-infezzjonijiet u l-imwiet qegħdin jonqsu, “qiegħda tagħtina kuraġġ dwar kif se jkun il-futur tagħna”. Brix żiedet tgħid li, “aħna għandna tama li matul il-ġimgħa li ġejja se tintlaħaq iktar stabbilità n-numru ta’ infezzjonijiet fiż-żoni metropolitani, minn fejn bdiet l-imxija numru ta’ ġimgħat ilu.”

L-ottimiżmu ta’ Brix u Trump jikkuntransa ma’ dak li qalu esperti Amerikani, fosthom it-tabib prominenti u konsulent Dr Anthony Fauci, fejn iddeskriva s-sitwazzjoni bħala “ħażina ħafna”. Esperti oħrajn qabblu s-sitwazzjoni ma’ dik ta’ Pearl Harbour u tal-11 ta’ Settembru 2001
S’issa l-Istati Uniti rrapportat 337,274 każ ta’ infezzjoni li minn dawn irriżultaw f’9,619-il fatalità. Dan huwa l-ikbar numru ta’ infezzjonijiet fid-dinja.

Share With: