Udinese jagħtu daqqa t’id fil-ġlieda kontra COVID-19

Il-club tas-Serie A Udinese qed jorganizza kull tip ta’ loġistika biex membri fi ħdanhom iwasslu l-ħtiġijiet ta’ kuljum u mediċini lil dawk il-persuni vulnerabbli li jgħixu fil-belt ta’ Udine partikolarment anzjani li ma jistgħux joħorġu minn djarhom jew jinsabu waħedhom. 

Id-direttur ġenerali ta’ Udinese Franco Collavino qal li f’dan il-mument diffiċli li fih hemm diversi persuni li qed ibatu minħabba l-Covid-19, huma jkunu ta’ spalla għal dawk li verament għandhom bżonn.

Apparti xi players u staff li jaħdmu mal-club minn Friuli, żdiedu wkoll players minn Udinese Junior Club li qed iwasslu dawn il-ħtiġijiet direttament fi djar dawn in-nies.

Collavino irringrazzja lil dawk kollha involuti f’din l-inizjattiva u lill-voluntiera li dejjem qed ikomplu jiżdiedu u li estendew dan is-servizz anke fi bliet oħra ġirien bħal Trieste u Pordenone.

Collavino temm jgħid li meta l-kriżi tkun spiċċat, se jkunu hemm ġurnata speċjali fid-Dacia Arena biex jiċċelebraw il-mument meta l-pajjiż ikun ħeles minn dan il-misħut virus.

Share With: