X’nistgħu nagħmlu waqt li qegħdin id-dar?

Miktub mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia

Minħabba ċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom bħalissa, ħafna minna jinsabu d-dar flimkien mal-għeżież tagħhom. Għandna aktar ħin f’idejna li forsi xi kultant nibdew nikkonfondu kif se nokkupaw dan il-ħin. Bħala Ministru responsabbli mill-ambjent ma’ nistax ngħid li ma nħeġġiġx lin-nies biex jużaw dan il-ħin biex nissalvagwardjaw l-ambjent ta’ pajjiżna. 

Huwa minnu li aħna limitati f’dak li nistgħu nagħmlu, imma dan ma jfissirx li ma nistgħu nagħmlu xejn. Dan il-ħin li se nkunu qed nużaw bħalissa se jservi biex nedukaw lilna nfusna kif nimmaniġjaw aħjar l-iskart li nipproduċu u nerġgħu nużaw affarijiet li qabel konna narmuhom. 

“Għall-bidu dawn l-affarijiet jistgħu jidhru xi ftit ikkumplikati, imma ladaraba nibdew ninkluduhom fir-rutina ta’ kuljum dawn jindraw u jsiru parti minna u mil-ħajja ta’ kuljum tagħna”

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia 

Il-Ministeru tal-Ambjent ħareġ xi linji gwida biex flimkien nippruvaw innaqqsu l-konsum tagħna fuq ċertu affarijiet filwaqt li nerġgħu nuaw affarijiet oħra. Dawn is-suġġerimenti ta’ attivitajiet li tistgħu tippruvaw jinkludu:

Meta nħawwlu ftit pjanti fil-kartun tal-ħalib, kartun tal-bajd, flixken tal-plastik, pakketti tal-juices jew anka rollijiet tat-toilet paper. B’hekk inkunu qegħdin innaqsu l-iskart, għax ikun qed jerġa jiġi użat. Barra min hekk inkunu qegħdin inżidu l-ammont ta’ ossiġnu fl-arja filwaqt li ngħinu biex tissaħħaħ l-biodiversitá. 

Fejn nistgħu għandna nillimtaw l-konsum tar-riżorsi ġewwa id-dar. Għandna niftħu it-twieqi u l-purtieri biex jidħol d-dawl naturali u arja pura u friska biex kemm jista’ jkun. Jekk ser nużaw heater, inżommu l-bibien jew twieqi magħluqin sabiex is-sħana ma toħroġx, allura jkun hemm għanqas konsum. Dan se jgħin biex nikkonsmaw anqas elettriku. 

Nitfu appart elettroniku waqt li ma jkunx qed jintuża, bħal settijiet tat- televiżjoni u kompjuters fost, l-oħrajn. Għalkemm dan l-apparat ikun jidher bħala mitfi, xorta waħda jikkonsma l-elettriku sakemm ikun imqabbad mal-plakka.  

Nillimitaw il-konsum ta’ ilma bla bżonn. Pereżempju, għandna nfittxu li nużaw l-ilma tal-ħasil biex tiflaxxja t-toilet jew inkella użaw l-ilma ta’ l-airconditions biex taħslu il-platti jew l-art. Naraw li nieħdu xower flok banju biex inkomplu nnaqqsu l-użu tal-ilma. Jekk għandna dishwasher fil-kċina, għandna naraw li tkun mimlija u b’hekk niffrankaw il-konsum tal-ilma. Jekk m’għandniex dishwasher, nimlew s-sink b’ammont ta’ ilma adekwat u nħallux l-vit miftuħ.  

Nużaw alternattivi oħra minflok deterġenti li fihom ħafna kimiċi ġo fihom, pereżempju, nistgħu tħalltu il-ħall abjad u bikarbonat għat-tindif. 

Importanti li nippjanaw qabel x’se nsajjru biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm ħela ta’ prodotti bla bżonn u nkunu qed innaqqsu l-iskart.  L-ikel jieħu ħafna spazju fil-landfills u flokk jintrema nistgħu nagħmluh kompost. Dan isir mill-fdalijiet tal-ikel mħallat maċ-ċana sabiex jintuża bħala fertilizzant għas-siġar u l-pjanti. 

Jekk nonxru l-ħwejjeġ barra minflok nużaw id-dryer inkunu qed niffrankaw l-konsum tal-elettriku filwaqt li l-materjal tal-ħwejjeġ iservi aktar fit-tul għax ikun qed jinxef b’mod naturali.  

8. Dan l-aħħar qed jiġi introdott stil ġdid ta’ għamara fid-djar tagħna li jissejjaħ “shabby chic”. Jekk għandna xi għamara antika ġewwa djarna u qed naħsbu biex narmuha, ma narmuhiex.  Għandna nirriċiklawha u ntuha stil differenti. B’hekk inkunu qed niffrankaw illi narmu skart goff bla bżonn u l-affarijiet li jkunu għadhom tajbin jieħdu ħajja oħra. 

Tajjeb ukoll li noqgħodu attenti meta mmorru nixrtu biex kemm jista’ jkun tixtru prodotti li għandhom inqas ippakeġjar. 

Jekk nimxu ma’ dawn il-punti sempliċi nistgħu nagħmlu differenza kbira fl-ambjent ta’ madwarna.  Jekk kullħadd wieħed u waħda minna nagħmlu l-biċċa tagħna, inkunu qed nagħtu sehmuna għal dan l-għan nobbli. L-Ambjent huwa t-tieni dar tagħna lkoll, għalhekk, għandna nibżgħu għalih f’kwalunkwe żmien kemm għalina kif ukoll għal-ġenerazzjonijiet futuri. 

Share With: