Żewġ persuni investigati rigward bejgħ ta’ sigaretti tal-kuntrabandu

Żewġ persuni, mara ta’ 55 sena u raġel ta’ 57 sena, it-tnejn minn Tal-Pieta’, qed jinżammu mill-Pulizija għall-aktar investigazzjonijiet b’rabta ma’ bejgħ ta’ sigaretti tal-kuntrabandu. Huma ġew arrestati waqt ħidma li twettqet mill-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun.

Ilbieraħ, għall-ħabta tal-5:00 p.m waqt li l-Pulizija kienu qegħdin waqt ronda fi Triq Patri Magri, il-Ħamrun meta nnutaw vettura tat-tip Peugeot b’mara viċin tagħha li kienet qegħda tagħti u tgħodd xi flus. Din l-attivita’ qajmet suspett minħabba li l-istess Pulizija kienu diġà rċevew informazzjoni li f’dawk l-akwati kien hemm persuna li kienet qed tagħmel xi attività illegali b’vettura tat-tip Peugeot.

Il-Pulizija avviċinaw minnufih l-imsemmija vettura u saret tfittxija fiha. Fuq wara tal-vettura nstabu numru ta’ grossos tas-sigaretti tal-kuntrabandu u xi flus. Waqt din it-tfittxija ġie raġel li ried jieħu xi flus mill-vettura. Huwa nżamm ukoll mill-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

Waqt li l-investigazzjonijiet kienu għaddejjin fuq il-post, persuna anonima għaddiet xi informazzjoni lill-Pulizija li dawn iż-żewġ persuni, allegatament kienu qed iżommu ammont ta’ sigaretti oħra f’xi post ieħor.

Fuq din l-informazzjoni, il-Pulizija għamlu kuntatt mal-Maġistratt tal-Għassa Charmaine Galea u l-Uffiċjali tad-Dwana sabiex flimkien jsiru xi tfittxijiet f’diversi propjetajiet oħra ta’ dawn iż-żewġ suspettati. It-tfittxijiet saru fuq ordni tal-Maġistrat tal-Għassa.

Iż-żewġ persuni qed jinżammu mill-Pulizija sabiex jassistu fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin mill-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun.

Share With: