Żewġt aħwa mixlijin bi traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus

Żewġt aħwa li joqgħodu Bormla baqgħu miżmumin taħt arrest wara li ġew mixlijin b’pussess ta’ droga u ħasil ta’ flus.

Iż-żewġ akkużati huma Joseph Brignone ta’ 31 sena li ma jaħdimx u oħtu Annalise Brignone ta’ 34 sena li taħdem bħala ‘chemotherapy transporter’ mal-Gvern. Huma tressqu l-Qorti wara diversi jiem ta’ osservazzjoni li fihom kienu involuti diversi taqsimiet tagħha. B’kollox instabu kilo kannabis, żewġ kilos droga sintetika u madwar 30 grammi kokaina.

Brignone kien akkużat b’pussess u traffikar ta’ kokaina kannabis u ta’ droga sintetika, b’pussess ta’ armi, b’ħasil ta’ flus, li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru minn skola u li kiser diversi sentenzi tal-Qorti. Oħtu wkoll kienet akkużata b’pussess u traffikar tal-imsemmija droga, tal-ħasil ta’ flus u li wettqet dan ir-reat f’distanza ta’ 100 metru minn skola.

Annalise Brignone ta’ 34 sena li taħdem bħala ‘chemotherapy transporter’ mal-Gvern

Iż-żewġt aħwa wieġbu mhux ħatja bl-Avukat Franco Debono, li qed jidher għalihom mal-Avukat Marion Camilleri, talab għall-ħelsien mill-arrest tagħhom. Madankollu l-Ispettur Mark Anthony Mercieca, li investiga l-każ mal-Ispettur Eman Hayman, oġġezzjona għax qal li l-Pulizja qed tinvestiga nies oħra dwar dak li temmen li huwa ċirku kriminali. Huwa spjega li l-Pulizija kienet ilha l-ġranet tosserva l-inħawi fejn joqgħodu u qed tinvestiga wkoll ir-rabta bejn dan il-każ u tiri ta’ armi li saru f’Bormla.

Il-Maġistrat Montebello ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġt aħwa li issa se jinżammu fiċ-ċelel tal-Qorti sakemm jgħaddi perjodu ta’ kwarantina mbagħad jittieħdu l-Ħabs

Share With: