Żieda ta’ 317% fit-tfittxijiet fuq Google għal self għan-negozji

Żieda qawwija rreġistrata mit-tieni ġimgħa ta’ Marzu ta’ din is-sena

Informazzjoni miġbura mill-kumpanija Learnbonds.com tindika li l-interess globali f’self għan-negozji żdied fuq Google. Jidher li bejn l-ewwel ġimgħa ta’ April tas-sena li għaddiet u l-istess perjodu matul din is-sena, l-ammont ta’ talbiet żdiedu bi 317%.

Filwaqt li l-interess f’din il-materja dejjem kien kostanti, madankollu dehret żieda qawwija mit-tieni ġimgħa ta’ Marzu ta’ din is-sena. F’dan il-perjodu, il-pandemija tal-Coronavirus bdiet taffettwa lil ħafna negozji madwar id-dinja.

Din ir-rata kompliet dejjem tiżdied matul Marzu u sa ma bdiet l-ewwel ġimgħa ta’ April din żdiedet bi 317% meta mqabbla mas-sena li għaddiet. Minħabba din il-pandemija, ħafna min-negozji qed ifittxu bailout biex ikunu jistgħu jibqgħu miftuħin għax-xhur li ġejjin. Fil-fatt, ir-rapport jgħid li ssoltu ħafna min-negozji jfittxu self f’ċirkostanzi meta ma jkollhomx biżżejjed riservi f’likwidità biex isostnu l-ispejjeż fuq perjodu qasir.

Mil-lat ġeografiku, huma l-Ġamajkani li qed juru l-aktar interess biex jissellfu għan-negozju, segwiti minn dak fl-Afrika t’Isfel u min-Niġerja. Pajjiżi oħra fejn hemm l-aktar interess għal self għan-negozji huma l-Awstralja, Singapore, l-Indja, New Zealand, ir-Renju Unit, il-Pakistan u l-Istati Uniti.

Share With: