Żvolta fil-pjani biex jitkompla l-Premier League fl-Ingilterra

Pjani biex jitkompla l-Premier League Ingliż se jkunu qed jieħdu żvolta matul din il-ġimgħa f’dak li qed jissejjaħ bħala ‘Project Restart’.

Arsenal, Brighton u West Ham fetħu t-training grounds tagħhom għall-players għal xogħol individwali matul il-ġurnata tat-Tnejn.

Potenzjalment, il-Premier Ingliż se jkun qed jitkompla nhar it-8 ta’ Ġunju li ġej u jintemm lejn l-aħħar ta’ Lulju biex ikun konformi mal-pjani tal-kompetizzjonijiet Ewropej tal-UEFA. Dan ikun jirrikjedi taħriġ komplet li jibda mit-18 ta’ Mejju.

Il-clubs tal-Premier se jkunu qed jiltaqgħu nhar il-Ġimgħa biex jiddiskutu għażliet għat-tkomplija tal-kampjonat.

Il-Premier League ilu sospiż sa mit-13 ta’ Marzu li għadda minħabba l-pandemija tal-coronavirus u l-clubs kollha jinsabu kommessi li jilagħbu l-kumplament tat-92 partita li fadal għal tmiem il-kampjonat.

Il-logħbiet kollha huma mistennija li jintlagħbu bil-bibien magħluqa u l-FA Ingliża qed tikkunsidra l-fatt li xxandar xi logħbiet fuq it-televiżjoni mingħajr ħlas.

Fatt li għandu jiġi diskuss nhar il-Ġimgħa li ġej huwa dwar liema stadia approvati se jkunu qed jiġu użati u jekk hux se jkun hemm numru limitat ta’ grounds jew grounds newtrali.

Madankollu, ritorn għall-azzjoni għandu jiddependi mill-ħames testijiet li jinsab għaddej bihom il-Gvern Ingliż, speċjalment żieda fl-ittestjar, u l-fatt li wieħed josserva l-miżuri ta’ social distancing.

Jiddependi wkoll mill-konklużjonijiet milħuqa minn laqgħat regolari ta’ sport differennti minn uffiċjali għolja mediċi li qed jiddiskutu protokolli tas-saħħa għall-kompetizzjonijiet li jsiru bil-bibien magħluqa, li għandhom jibdew mill-ġimgħa d-dieħla.

Nhar is-Sibt li għadda, ġie rrapurtat li l-Gvern Ingliż għandu pjani għal sensiela ta’ dawn il-laqgħat biex l-elite sport ikun jista’ jitkompla.

Dan il-fatt ġie deskritt minn sorsi viċin dawn il-pjani bħala żieda fil-pass u intiż biex jgħin lill-isport jitkompla fi spazju ta’ ġimgħat, jekk ikun qed isir progress.

Iktar minn 20,000 persuna fl-Ingilterra mietu bil-coronavirus.

Nhar il-Ħadd li għadda, is-Segretarju tal-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, qal li mistenni jkun diffiċli għal sport amatorjali li jirritorna matul is-sajf li ġej minħabba l-livell u l-iskala ta’ interazzjoni iżda l-isport professjonali jista’ jirritorna minħabba l-iskala ta’ ttestjar li tista’ tiġi introdotta.

Clubs fil-Bundesliga fil-Ġermanja diġá rritornaw għat-taħriġ u dan il-kampjonjat mistenni jirritoma fid-9 ta’ Mejju li ġej jekk jingħata l-permess mill-Gvern Ġermaniż.

Fl-Italja, it-timijiet tas-Serie A jistgħu jirritornaw għal taħriġ individwali fl-4 ta’ Mejju li ġej u taħriġ bħala team fit-18 ta’ Mejju wara li l-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ħabbar l-ewwel passi biex jibdew jitnaqqsu l-miżuri ta’ lockdown fil-pajjiż minħabba l-coronavirus.

Intant, l-Għaqda Dinjija tal-Players, il-FIFPro qalet li r-ritorn tal-football jirriskja li jibgħat sinjal negattiv.

“Teżisti mistoqsija loġistika u medika/xjentifka kbira rigward ittestjar u protokolli iżda wkoll waħda soċjali,” qal is-Segretarju Ġenerali, Jonas Baer-Hoffmann.

“Neħtiegu gwida u protokolli fuq kif nistgħu nirritornaw għall-azzjoni b’mod san u sigur. Il-football huwa sport li fih kuntatt u nħossu li huma rikjesti ta’ livelli protettivi ħafna.”

“Qed nibagħtu l-messaġġ it-tajjeb lis-soċjetá, u qed ninkoraġġixxu ritorn san għall-ħajja normali? Jew qed nibagħtu sinjal negattiv li l-football għandu regolamentazzjonijiet differenti lill-bqija tad-dinja?”

Share With: