74 sewwieq imħarrka għal sewqan b’veloċità eċċessiva

Il-Pulizija mis-Sezzjoni tat-Traffiku, flimkien ma’ dawk mir-Rapid Intervention Unit (RIU) u Special Intervention Unit (SIU), assistiti minn uffiċjali mis-Sezzjoni tal-Infurzar ta’ Transport Malta, illum wettqu aktar kontrolli rigward sewqan eċċessiv. 

Dawn saru fi Triq Louis Wettinger magħrufa bħala l-Bypass tal-Mellieħa; fil-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar; fi Triq Kennedy Drive (quddiem Kennedy Grove); u fi Triq il-Kosta. 

B’kollox inħarġu 74 taħrika għal sewqan b’veloċità eċċessiva: 

  • Triq Louis Wettinger inħarġu 30 taħrika 
  • Bypass ta’ San Pawl il-Baħar inħarġu 3 taħrikiet 
  • Triq Kennedy Drive nħarġu 10 taħrikiet 
  • Triq il-Kosta inħarġu 31 taħrika 

Inħarġu wkoll tmien taħrikiet oħra minħabba ksur tar-regolamenti tat-traffiku li jinkludu sewqan mingħajr ċintorin tas-sigurtà, vetturi bit-tinted glass u vetturi mingħajr numru tar-reġistrazzjoni. 

L-appell mill-ġdid tal-Pulizija huwa biex wieħed ma jabbużax mis-sewqan, speċjalment f’jiem bħal tal-lum, festa pubblika, meta ħafna mit-toroq jkunu battala mit-traffiku. Iżda minkejja dawn l-appelli, il-Korp tal-Pulizija llum reġa’ kien impenjat f’aktar kontrolli f’diversi toroq arterjali sabiex jaqta’ dawn l-abbużi. 

Share With: