AĠĠORNAT: Care worker li ġiet f’kuntatt mal-anzjan li miet ilbieraħ fost iż-żewġ każi reġistrati llum

L-ebda pazjent ieħor fl-Isptar Karin Grech ma jirriżulta pożittv

Care worker fl-Isptar Karin Grech hija waħda miż-żewġ każijiet li fl-24 siegħa li għaddew irriżultaw pożittivi għall-Covid-19. Din il-careworker, mara mill-Filippini, kellha kuntatt mal-anzjan ta’ 81 sena li kien qed jirċievi kura fl-istess sptar u li lbieraħ tħabbret il-mewt tiegħu kaġun tal-coronavirus.

Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci fil-konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat l-aħħar aġġornamenti dwar il-każi ta’ persuni pożittivi għall-Covid-19 f’pajjiżna.

Il-Professur Gauci żiedet tgħid li saru testijiet ukoll fuq 15-il pazjent li kienu fl-istess sala fejn kien qed jinżamm l-anzjan, u kif ukoll fuq 56 impjegat li seta’ kellhom kuntatt miegħu. Ilkoll irriżultaw negattivi.

Intant il-każ l-ieħor reġistrat huwa ta’ mara Maltija ta’ 30 sena li bdiet turi sintomi fl-4 ta’ Mejju li għadda. hija ma kinitx qed taħdem, bl-awtoritajiet jagħmlu contact tracing u testijiet fuq membri tal-familja tagħha.

Intant f’dawn l-aħħar 24 siegħa saru 1,392 test. Biż-żewġ każi li ġew reġistrati llum, it-total kumplessiv ta’ każi ta’ Covid-19 f’pajjiżna tela’ għal 482. Il-Professur Gauci qalet li s’issa saru 38,337 test.

Hija nnotat ukoll b’mod pożittiv il-fejqan ta’ erba’ persuni oħrajn mill-virus, biex issa dawk li rkupraw jammontaw għal 407.

Dan iwassal biex in-numru ta’ każi attivi f’Malta u Għawdex issa niżlu għal 72 każ.

Share With: