[AĠĠORNAT] “Jum sabiħ” … Jittaffew xi miżuri, b’oħrajn mistennijin li jittaffew fit-tliet ġimgħat li ġejjin

Il-Gvern se jkun qed jibda proċess gradwali biex minn nhar it-Tnejn 4 ta’ Mejju jibdew jittaffew uħud mill-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex tkun ikkontrollata l-pandemija tal-coronavirus f’pajjiżna. Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci.

L-ewwel miżuri li se jkunu qed jittaffew huma wħud minn dawk li ddaħħlu fis-seħħ u li jikkonċernaw lil servizzi mediċi, lill-negozji, vjaġġar bejn Malta u Għawdex, u l-miżura li tikkontrolla n-numru ta’ persuni li jistgħu jinġabru f’post pubbliku.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne qal li minn nhar it-Tnejn se jerġgħu jiftħu l-kliniċi u l-health care centres biex jagħtu t-tilqim lit-tfal. Dan hekk kif kienu biss iċ-ċentri tas-saħħa tal-Floriana u l-Mosta li baqgħu jagħtu dan is-servizz mediku. Tenna li se jkun qed jitkompla l-iscreening kontra l-kanċer li f’dawn l-aħħar ġimgħat kellu jieqaf. L-iscreening li se jkun qed jibda mill-ġdid minn nhar it-Tnejn li ġej se jkun tal-għonq tal-utru, tas-sider u l-musrana l-kbira. Fl-istess waqt se jkunu qed jiżdiedu s-servizzi ta’ saħħa mill-Isptar Mater Dei, fejn se jkunu qed jerġgħu jinbdew proċeduri ta’ endoskopiji u colonoscopies, filwaqt li se jkunu qed jiżdiedu l-appuntamenti għal CT Scnas, ultrasounds, MRIs u eco-cardiograms.

Il-miżuri li se jkunu qed jittaffew jikkonċernaw ukoll lil stabbilimenti kummerċjali, fosthom banek tal-lottu, stazzjonijiet fejn isiru testijiet tal-VRT, ħwienet tal-ħwejje u ħwienet sportivi, ħwienet tal-ġojjellerija, dawk taż-żraben, ħwienet fejn il-klijent irid jippreżenta riċetta, dawk li joffru servizzi ta’ sbuħija, dawk il-ħwienet tal-passatempi, tal-fjuri u tal-għamara. 

Madankollu huwa emfasizza li hairdresser u beauticians se jibqgħu magħluqin.

Fl-istess waqt saħaq li l-miżura ta’ social distancing se tibqa’ fis-seħħ u dawk il-ħwienet li se jkunu qed jerġgħu joffru s-servizzi tagħhom iridu jilħqu rekwiżiti ta’ klijent għal kull 10 metri tal-ħanut apparti l-impjegati fil-ħanut.

Miżura oħra li se tkun qed tittaffa hija fir-rigward tal-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex. Dan dejjem skont in-numru ta’ persuni li se jiġi stabbilit li jistgħu jitilgħu abbord il-vapur tal-Gozo Channel.

Id-Deputat Prim Ministru żied jgħid li fir-rigward ta’ persuni fi gruppi f’postijiet pubbliċi, minn nhar it-Tnejn in-numru se jkunu qed jitilgħu minn tlieta għal erbgħa. Dan ifisser li dawk il-persuni li jkunu fi gruppi ta’ aktar minn erba’ persuni xorta se jibqgħu suġġetti għal multi ta’ €100.

Id-Deputat Prim Ministru tenna li dawk il-persuni li huma meqjusin bħala vulnerabbli, jiġifieri dawk li għandhom ’il fuq minn 65 sena u li jbatu minn mard kroniku kemm jista’ jkun jibqgħu josservaw l-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa u jibqgħu f’darhom.

“Jum sabiħ” … Jittaffew aktar miżuri sa massimu ta’ tliet ġimgħat oħra jekk il-każi jibqgħu taħt kontroll

Intant il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva dan il-jum bħala jum sabiħ fejn grazzi għar-responsabbiltà tal-poplu Malti u Għawdxi li osserva u mexa mal-pariri u mal-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa, il-Gvern issa se jkun jibda jnaqqas b’mod gradwali l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex tkun ikkontrollata l-pandemija tal-Covid-19.

Fid-dawl tal-miżuri li ddaħħlu matul dawn l-aħħar ġimgħat, il-Prim Ministru ddeskrivihom bħala effettivi iżda li ma kinux restrittivi żżejjed. Żied jgħid li l-miżuri kienu effettivi minħaba li kienu bbażati fuq metodu xjentifiku u mediku.

Fl-istess waqt huwa żied jgħid li ż-żmien tah raġun meta ma sejjaħx għal lockdown. “Lockdown kien ifisser telf ta’ eluf ta’ impjiegi u kien ixejjen it-tajjeb kollu li għamilna f’dawn l-aħħar snin,” żied jisħaq il-Prim Ministru.

Filwaqt li qal li d-deċiżjoni għat-tnaqqis gradwali tal-miżuri hija waħda bbażata fuq evidenza medika u xjentifika, huwa żied jgħid li jekk il-każi jibqgħu baxxi, allura sa mhux aktar tard minn tliet ġimgħat oħrajn il-Gvern se jkun qed iħabbar it-tneħħija ta’ aktar miżuri restrittivi.

Madankollu huwa rrijafferma li l-ajruport mhux se jkun qed jinfetaħ, bil-Professur Gauci tisħaq li dan huwa essenzjali biex jiġu kkontrollati l-każi li jkunu impurtati f’pajjiżna minn barra.

Il-Prim Ministru żied jgħid li l-Gvern fl-istess waqt se jibqa’ jagħti l-għajnuna tiegħu lin-negozji milqutin mill-pandemija. Saħaq li għaldaqstant l-iskemi tal-wage supplements se jibqgħu fis-seħħ anke għal dawk il-ħwienet li jergħu jiftħu u joffru s-servizzi tagħhom biex dawn ma jkunux taħt pressjoni eċċessiva.

Żewġ każi ġodda

Intant il-Professur Charmaine Gauci qalet li f’dawn l-aħħar 24 siegħa saru 1,184 test, li minnhom irriżultaw żewġ każi pożittivi, Wieħed mill-każi jikkonċerna lil persuna minn Għawdex li ma kienet qed turi l-ebda sintomi tal-marda u li rriżulta pożittivi mir-random testing li qed jagħmlu l-awtoritajiet.

It-tieni każ huwa dak ta’ immigranti miċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.

Fl-istess waqt f’dawn l-aħħar sigħat fiequ 16-il persuna oħra, biex b’hekk il-każi attivi f’pajjiżna ta’ persuni infettati bil-Covid-19 issa naqas għal 96.

Filwaqt li b’mod pożittiv irrijaffermat li għal dawn l-aħħar ġimagħtejn l-RV (Reproductive Value) f’pajjiżna baqa’ taħt il-wieħed, hija rreferiet għall-web app li ġiet imnedija lbieraħ, fejn fi żmien ftit sigħat mal-14,000 persuna daħlu jittestjaw għas-sintomi tal-Covid-19.

Share With: