Aġġornata: Il-Pulizija se tieħu passi bil-Qorti kontra tliet persuni b’rabta man-nirien fl-Aħrax

Ritratti: Alan Saliba, Protezzjoni Ċivili

6:00 p.m: Matul il-lejl illi għadda l-Pulizija ġiet infurmata mill-kamra tal-kontroll tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili, li kien hemm xi nirien qawwija fil-masġar tal-Aħrax tal-Mellieħa. Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, sabu tliet kampijiet kif ukoll fossa tan-nar (fire-pit) li kienet għadha taqbad u possibilment li n-nar beda minn hemm.Wara tfittxija fiż-żona u fil-kampijiet li kien hemm fil-madwar, il-Pulizija sabu mowbajl u rnexxielhom jagħmlu kuntatt ma’ sidu.

Sid il-mowbajl, raġel ta’ 33 sena residenti l-Furjana, ġie mitkellem mill-Pulizija, fejn irriżulta li hu, flimkien ma’ mara ta’ 29 sena residenti Raħal Ġdid u raġel ta’ 29 sena residenti Ħal Safi, kienu qegħdin flimkien jikkampjaw mingħajr permess fil-post fejn beda n-nar.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li n-nar beda b’mod aċċidentali, madankollu l-persuni li kienu fil-post allegatament telqu wara li n-nar infirex f’ħakka t’għajn kawża tar-riħ qawwi li kien hemm fl-akwati.

In-nar ġie kkontrollat b’diffikulta mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili, li baqgħu fuq il-post sa sigħat wara li n-nar intefa’ kompletament. Diversi persuni oħra, flimkien mal-Pulizija assistew fl- operazzjoni.

Il-Pulizija se tieħu l-passi kontra t-tliet persuni fil-Qorti. L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra.

11:00 a.m: Persuni li tkellmu ma’ dan is-sit u li kienu fil-post li aktar kmieni dalgħodu nħakem minn nirien allegaw li l-pulizija qiegħda żżomm xi persuni biex jgħinuhom fl-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin. Intqal ukoll li hemm il-possibbilità li n-nirien li ħakmu ż-żona kienu kkawżati minn persuni li kienu qed jikkampjaw fiż-żona u li ħallew xi affarijiet warajhom meta tkebbes in-nar li kompla infirex anke minħabba elementi bħalma huwa r-riħ li ħakem fl-aħħar sigħat.

10:00 a.m: Wara li aktar kmieni dalgħodu l-Pulizija avżat lill-pubbliku biex jevita l-Aħrax tal-Mellieħa minħabba nirien jidher li s-sitwazzjoni tinsab lura għan-normal. Kien għalhekk li l-pulizija stess aġġornaw li ż-żona reġgħet infetħet mill-ġdid għall-pubbliku.

8:00 a.m: Il-Pulizija qiegħda tavża lil dawk kollha li kienu biħsiebhom jerħula lejn l-Aħrax tal-Mellieħa biex jevitaw iż-żona minħabba xi nirien li żviluppaw fl-aħħar ħin.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma magħna li l-Pulizija flimkien ma’ pumpera mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jinsabu għaddejjin b’ħidma biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Share With: