Aġġornata: Tfajla titlef ħajjitha f’inċident tat-traffiku fil-Marsa

Ritratti: Alan Saliba

Tfajla ta’ 19-il sena, residenti l-Qrendi, dalgħodu titlef ħajjitha f’inċident tat-traffiku li seħħ għall-ħabta tat-8:00 a.m fi Triq Ħal Qormi, il-Marsa.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li t-tfajla ta’ 19-il sena tilfet il-kontrol tal-vettura tat-tip Paxster u nqalbet, bil-konsegwenza li ħarget minn ġol-vettura u ġiet taħta.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lit-tfajla l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, il- Pulizija ġiet infurmata mill-awtoritajiet tal-isptar, li sfortunatament hi tilfet ħajjitha.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farruġia Frendo li qiegħda tmexxi inkjesta, mgħejjuna minn diversi esperti li ħatret.

Il-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha dwar dan il- każ.

Aktar Qabel:

Persuna ġarrbet xi ġrieħi wara li aktar kmieni kienet involuta f’inċident stradali fi Triq Ħal Qormi l-Marsa.

Inewsmalta tinsab infurmata li kienu għall-ħabta tat-8:00 a.m meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-imsemmija triq. Għall-ewwel kien hemm ħjiel li l-mara kienet ittajret minn vettura, iżda aktar tard irriżulta li din il-persuna li kienet qiegħda tagħti servizz għal xi raġuni tilfet il-kontroll tal-vettura li kienet qiegħda ssuq u konsegwentament spiċċat fl-art.

Fil-Post issejħet ambulanza u tim mediku li assistew lill-persuna sakemm aktar tard setgħet tittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Intant il-Pulizija fi stqarrija maħruġa minnha appellat lill-pubbliku biex jevita l-imsemmija triq direzzjoni lejn Ħal Qormi minħabba li din ingħalqet għat-traffiku sakemm isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.

Share With: