Aktar stabbilimenti magħluqin mistennijin li jinfetħu fil-jiem li ġejjin; Il-PM:“Pajjiżna beda ħiereġ mill-pandemija”

Fil-ġranet li ġejjin mistennijin li jinfetħu aktar stabbilimenti li għadhom magħluqin b’avviżi legali. Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela f’intervista.

Il-Prim Ministru tenna li filwaqt li pajjiżna beda ħiereġ mill-pandemija, l-isfida immedjata hija li jinfetħu l-bqija tan-negozji. Huwa żied jgħid li matul dawn il-ġimgħat ikkaratterizzati mill-pandemija, il-Gvern ħa diversi deċiżjonijiet li wassli biex salvaw mad-90,000 impjieg.

Huwa żied jgħid li wara s-saħħa, issa jeħtieġ li l-ekonomija tingħata l-attenzjoni meħtieġa biex din terġa’ tikber iktar milli kienet qed tikber. Saħaq li l-Gvern irid li jinċentiva wkoll il-konsum intern.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-kriżi tal-immigrazzjoni irregolari. Huwa qal li max-xtut tal-Libja hemm mas-700,000 immigrant li lesti biex jaqsmu lejn l-Ewropa. Huwa saħaq li f’Malta hawn mal-4,000 immigrant, u emfasizza li pajjiżna ma jiflaħx aktar. Tenna li ras għal ras, in-numru ta’ immigranti f’pajjiżna hija ekwivalenti għal 700,000 immigrant fil-Ġermanja.

Huwa insista li l-problema hija li matul is-snin ma kienx hemm soluzzjoni ħolistika, iżda soluzzjoni każ b’każ.

Il-Prim Ministru żied jgħid li huwa jrid li jekk dgħajsa b’immigranti irregolari se tkun qed tidħol fiż-Żona ta’ Tiftix u Salvataġġ (SAR) ta’ Malta dawn jiġu salvati. Madankollu saħaq li huwa meħtieġ li jkun magħruf minn qabel fejn dawn l-immigranti se jkunu qed jiġu rilokati.

Tenna li Malta u l-Italja l-aktar li qed jerfgħu f’piż f’din il-kriżi umanitarja, u jeħtieġ li jkun hemm turija ta’ solidarjetà mill-istati membri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

Share With: