Alessandro Matri jirtira mill-football professjonali

L-ex attakkant internazzjonali Taljan, Alessandro Matri, ħabbar li rtira mill-football professjonali. Huwa għandu 35 sena u f’dawn l-aħħar xhur kien qed jilgħab b’self ma’ Brescia mingħand Sassuolo. Matul dan l-istaġun xejn ma kellu wirjiet pożittivi hekk kif naqas milli jsib ix-xibka għal tmien logħbiet konsekuttivi.

Matri ammetta li dan l-istaġun kien qed isibha diffiċli jesprimi l-logħob tipiku tiegħu. Huwa kien ilu jaħseb x’għandu jagħmel u wara li kien hemm il-waqfa sfurzata minħabba l-Covid-19, iddeċieda li aħjar idendel iż-żarbun milli jkompli jilgħab mingħajr motivazzjoni.

Matri ammetta li fil-karriera tiegħu rebaħ ħafna u jinsab kburi ta’ dak kollu li għamel. Fil-karriera tiegħu huwa lagħab ma’ Milan, Juventus, Fiorentina, Lazio u Cagliari fost l-oħrajn u skorja xejn anqas minn 435 goal. Huwa rebaħ tliet darbiet is-serie A, darbtejn is-Super Cup Taljana u darba l-Coppa Italia. Finalment huwa rrappreżenta lil pajjiżu seba’ darbiet u skorja goal wieħed biss.

Share With: