Awguri f’Jum l-Omm: Intervista ma’ Dr Lydia Abela u Giorgia Mae

Minn MARIA AZZOPARDI

Jum l-Omm huwa jum sinifikattiv fejn fih niċċelebraw persuna importanti u essenzjali fil-familja: l-omm. L-imħabba ta’ omm ma tmut qatt anzi tkompli tiżdied ma’ kull jum li jgħaddi. Imma kemm għadu rilevanti Jum l-Omm u kif dan inbidel minħabba l-imxija tal-Covid-19? Min-naħa l-oħra kif it-tfal iħarsu lejn il-figura tal-omm? Titkellem magħna mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela u twieġeb ukoll Giorgia Mae.

Xi jfisser Jum l-Omm għalik u kif dan forsi nbidel minħabba l-imxija tal-Covid-19?

Jum l-Omm hija ġurnata speċjali li matulha niċċelebraw is-sbuħija u l-imħabba inkundizzjonata tal-omm lejn uliedha. Nemmen li s-sinfikat ta’ Jum l-Omm m’għandux ikun wieħed ta’ ġurnata waħda biss u ta’ ħafna materjaliżmu. L-imħabba lejn l-omm, l-apprezzament lejn ħidmietha, l-imħabba inkundizzjonata li tagħti lill-uliedha, irridu nuruha kuljum b’għemilna u b’imħabbitna.

Covid-19 se jkun ifisser li ħafna ommijiet se jkunu qed jiċċelebraw dan il-Jum ‘il bogħod minn uliedhom iżda llum, grazzi ghat-teknoloġija nistgħu xorta waħda nzommu kuntatt.

Waqt din l-imxija, qed naraw tant ommijiet mhux biss jieħdu ħsieb lil uliedhom id-dar, iżda nisa oħrajn jieħdu ħsieb lil ħaddieħor permezz tax-xogħol imprezzabli li qed jitwettaq f’dawn il-ġranet tant diffiċli. Din ukoll hija imħabba speċjali li timmerita apprezzament f’dan il-Jum. 

Kif qed toħloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin tiegħek bħala omm?

Covid-19 urieni aktar minn qatt qabel xi tfisser ommi għalija li kelli noqgħod ‘il bogħod minnha biex nipproteġieha. M’għandhix dubju li dan is-sentiment qed jinħass ma’ ħafna ommijiet oħra li jaħdmu bħali u jħallu lil uliedhom man-nanniet f’xi ħinijiet tal-ġurnata. 

Bħala omm nipprova nagħmel ħilti biex ikun hemm kemm ikun hemm impenji, l-importanti huwa li jkun hemm dejjem ħin biżżejjed li nqattgħu mat-tifla u mal-familja. 

L-aħjar mod li nipprova naħdem bih u dan isir sa fejn ikun possibli, li l-impenji tiegħi jduru skont l-impenji li jkollha Giorgia Mae. M’għandiex dubju li dan huwa l-mod li bih jaħdmu wkoll ommijiet u missirijiet oħrajn.

Iż-żmien ta’ bħalissa ippermetta li jkollna aktar ħin flimkien u allura qed nieħdu l-okkażjoni biex nagħmlu attivitajiet li nħobbu nagħmlu bħat-tisjir, nilgħabu u naqraw xi ktieb. Nemmen li din hija okkażjoni biex insaħħu aktar ir-relazzjoni ta’ bejnietna u nqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien. 

X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil dawk l-ommijiet, b’mod specjali dawk vulnerabbli, li bħalissa ma jistgħux jiltaqgħu mat-tfal tagħhom u forsi jħossuhom iżolati f’dan il-mument straordinarju li qed ngħixu?

Kuraġġ! Naf li dan huwa żmien diffiċli, iżda nassigurahom li mhumiex waħedhom, l-għeżież tagħna kollha jinsabu f’qalbna, anke jekk ikunu ‘l bogħod minna.

Irridu nużaw modi ġodda ta’ kif nikkomunikaw biex fl-aħħar mill-aħħar ikunu protetti. F’dan iż-żmien partikolari, l-ikbar imħabba li nistgħu nagħtu lill-ommijiet vulnerabbli hi dik li nżommu d-distanza ħalli meta jerġa’ jiġi żmien aħjar, inkunu nistgħu ngħanquhom, inħarsu f’għajnejhom, u ngħidulhom – Inħobbok! 

Mistoqsija għal Giorgia Mae: Xi tfisser il-mamà għalik? Semmi tliet affarijiet sbieħ li tara fil-mamà tiegħek u xi tħobbu tagħmlu flimkien.

Il-Mamà għandha qalbha tajba, tħobb tisma’ dak li ngħidilha u tagħmel minn kollox biex tarani kuntenta, u tqatta’ ħafna ħin miegħi. Aħna nħobbu nsajjru, nilgħabu u naqraw flimkien. Jien inħobb nitfissed ħafna mal-mamà.

Minn hawn ngħidilha grazzi u Happy Mother’s Day! Ngħidilha li nħobbha minn hawn sal-univers!

Inħobb ħafna wkoll lill-għalliema tiegħi Ms Anna li tieħu ħsiebi waqt il-ħin tal-iskola, tħobbni u tħobb lit-tfal tal-klassi daqslikieku konna t-tfal tagħha.

Share With: