Bartosz Bereszynski jitkellem dwar dak li għadda minnu minħabba l-coronavirus

Id-difensur ta’ Sampdoria, Bartosz Bereszynski, tkellem dwar kif inbidlet il-ħajja tiegħu minħabba li nstab pożittiv għall-Covid-19. Il-player mill-Polonja sostna li kien hemm mumenti fejn kellu deni qawwi minħabba li inkwieta ħafna li seta’ jagħti l-virus lill-għeżież tiegħu. Huwa qal li meta sar jaf li huwa pożittiv għal Covid-19 ħass il-kamra ddur bih u dam ma aċċetta dan il-fatt. Minkejja li kien qed jistenna li huwa seta’ kien infettat minħabba li sħabu fit-team tal-Blucerchiati ħaduh, madankollu xorta kienu mumenti drammatiċi.

Bereszynski qal li ħass għejja kbira fl-ewwel jiem minħabba li l-virus dgħajjiflu s-sistema immunitarja tiegħu.

Minkejja kollox issa għadda aktar minn xahar minn meta nstab pożittiv tant li wara żewġ swab tests, hu beda t-triq għall-fejqan. Huwa żvela kemm kien kuntent meta rnexxielu jiġri seba’ kilometri f’nofs siegħa u jinsab ħerqan sabiex jerġa’ jirritorna għas-sessjonijiet ta’ taħriġ.

Bereszynski għandu 27 sena u ilu mal-Blucerchiati sa mis-sena 2017 fejn lagħab 84 partita għalkemm ma skorja l-ebda goal.

Share With: