Carmelo Abela: “Unjoni Ewropea aktar tan-nies, qrib in-nies, u għan-nies”

Il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru – responsabbli, fost l-oħrajn, mid-djalogu soċjali  Carmelo Abela ipparteċipa f’diskussjoni online bit-tema ‘Fejn Sejrin?’, flimkien ma’ rappreżentanti tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili, f’attività organizzata mill-Malta-EU and Steering Action Committee (il-MEUSAC) fl-okkażjoni tas-16-il anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u ta’ Jum l-Ewropa, li jiġi ċċelebrat kull sena fid-9 ta’ Mejju. Il-Ministru Carmelo Abela rrimarka li l-Unjoni Ewropea trid tkun aktar tan-nies, qrib in-nies, u għan-nies. “Dan ifisser li l-mexxejja tal-pajjiżi li huma parti mill-Unjoni Ewropea mhux neċessarjament jieħdu d-deċiżjonijiet li jridu n-nies biex ikunu popolari,” qal il-Ministru, filwaqt li saħaq, iżda, fuq il-ħtieġa li l-istess mexxejja dejjem jagħtu widen lin-nies. Huwa rrefera għall-irwol tal-Unjoni Ewropea fid-dinja li, qal, għandu jinħass iktar, b’mod speċjali fir-reġjuni ta’ madwar l-Unjoni.

Meta mistoqsi fuq kif jara l-Unjoni Ewropea fil-futur, il-Ministru Abela qal li l-iktar ħaġa importanti hi li l-bniedem ikun fiċ-ċentru, biex nindirizzaw l-aspirazzjonijiet tan-nies. Huwa rrefera wkoll għaż-żgħażagħ, li għandhom ikunu aktar parti mit-teħid tad-deċiżjonijiet fejn l-iktar li l-Unjoni Ewropea trid tkun effettiva. L-iżvilupp sostenibbli, qal il-Ministru, għandu jkun il-qofol tad-deċiżjonijiet li jittieħdu, għaliex il-futur jiddependi minn kemm id-deċiżjonijiet li jittieħdu llum ikunu bbażati fuq kif se nużaw bl-aħjar mod ir-riżorsi li għandna.

Id-diskussjoni żvolġiet f’diversi temi marbuta mas-suġġett tal-laqgħa, fid-dawl tas-suċċessi u l-fallimenti tal-Unjoni Ewropea, li jitkejlu skont l-impatt, pożittiv jew negattiv, fuq il-ħajja tan-nies. Ġew diskussi t-temi tal-qagħda ekonomika waqt u wara l-pandemija tal-COVID-19 u kif intlaqtu s-setturi li jirrappreżentaw il-kelliema parteċipanti. Tema oħra kienet dwar kif il-MEUSAC tista’ ssaħħaħ il-ħidma tagħha biex kull settur tas-soċjetà u kull individwu jibbenefikaw aktar mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Mhux l-inqas, il-kelliema taw ukoll il-veduti tagħhom dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea.

B’reazzjoni għall-mistoqsijiet tal-Kap tal-MEUSAC u l-kelliema l-oħra, il-Ministru Carmelo Abela qal li l-pandemija wriet li m’għandhiex fruntieri u allura hija opportunità biex, bħala Stati Membri tal-UE, naħdmu flimkien b’modi differenti skont il-kompetenzi tal-UE, nazzjonali, jew maqsumin bejn it-tnejn f’oqsma bħas-saħħa, l-ekonomija, u l-ħolqien tax-xogħol. Waqt li rrefera għall-kritika li l-Unjoni Ewropea m’għamlitx u mhix tagħmel biżżejjed, il-Ministru qal li l-pandemija turina li għandna nkunu iktar preparati minn qabel għal sfidi bħal dawn, waqt li bħala pajjiżi Membri nieħdu ħsieb xulxin fi spirtu ta’ solidarjetà.

Il-Kap tal-MEUSAC staqsiet lill-kelliema kif jibbenefikaw mill-ħidma tal-MEUSAC fejn tidħol l-informazzjoni u l-konsultazzjoni dwar inizjattivi, politiki, u liġijiet, u l-assistenza biex jinkisbu fondi tal-Unjoni Ewropea. Fuq din tal-aħħar, is-Sra Falzon qalet li, fit-12-il sena kemm ilha teżisti, l-MEUSAC għenet mal-470 organizzazzjoni biex jinkisbu madwar 60 miljun ewro f’fondi Ewropej.

 Fil-kummenti tagħhom, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili faħħru l-livell għoli ta’ assistenza tal-MEUSAC fejn jidħlu t-taħriġ u l-attenzjoni personalizzata fl-applikazzjoni għall-fondi għall-proġetti tagħhom; l-informazzjoni siewja li tingħata dwar il-pożizzjoni ta’ Malta fuq diversi proposti ta’ politiki u liġijiet tal-Unjoni Ewropea; kif ukoll l-opportunità li l-organizzazzjonijiet jissieħbu f’fora Ewropej. Issemmiet il-ħtieġa li tiżdied l-informazzjoni korretta dwar x’inhi u x’tagħmel l-Unjoni Ewropea.

Wara li sema’ lill-kelliema dwar kif il-MEUSAC għenithom fil-ħidma tagħhom bħala rappreżentanti ta’ diversi setturi tas-soċjetà, il-Ministru Abela saħaq li l-aġenzija għandha tkompli tissaħħaħ biex aktar għaqdiet jiksbu aktar fondi Ewropej, anki għal proġetti żgħar. Qal li l-MEUSAC trid tkompli tkun ta’ pont bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini, għaliex hu importanti ħafna li n-nies ikunu jafu x’inhi u x’tagħmel l-Unjoni Ewropea. Iżda, fuq kollox, hu importanti wkoll li naraw kull wieħed u waħda minna x’nistgħu nagħmlu, għax dan hu l-mod kif tista’ tkompli tiżviluppa fid-direzzjoni t-tajba l-Unjoni Ewropea. “Barra minn hekk, irridu nkomplu d-djalogu soċjali permezz tal-MEUSAC, biex bħala pajjiż nagħtu kontribut aktar tanġibbli għat-tfassil tal-politiki u l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea,” qal il-Ministru.

Id-diskussjoni tmexxiet mill-Kap tal-entità, Mandy Falzon u ħadu sehem ukoll Fabian Demicoli (Malta Chamber of SMEs), Kendrick Bondin (GWU), Jesmond Bonello (UĦM-Voice of the Workers); Daniel Borg (Gozo Business Chamber), Gertrude Buttigieg (Malta Health Network), Faith Spearing (studenta), u Stephanie Fenech (Kunsill Lokali taż-Żejtun). It-tema kienet ‘Fejn Sejrin?  Diskussjoni dwar is-16-il anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Jum l-Ewropa, u l-MEUSAC’.

Share With: