Christian Ebenbauer: Diffiċli li l-istaġun fl-Awstrija jintemm

Il-kap eżekuttiv tal-ogħla kampjonat Awstrijak, Christian Ebenbauer, tkellem dwar dak li qed jiġri bħalissa f’pajjiżu u dwar il-possibbiltá li jitkompla l-istaġun wara l-imxija tal-coronavirus.

Ebenbauer qal li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed issir diffiċli l-possibbiltá li jiġi fit-tmiem l-istaġun 2019/20. Dan l-aħħar hu kellu laqgħa mal-presidenti ta’ sport differenti fl-Awstrija sabiex flimkien ifasslu strateġija li biha tkun tista’ tittieħed deċiżjoni finali dwar dak li se jiġri għall-kumplament tal-istaġun. Minkejja kollox din il-laqgħa virtwali ma pproduċiet l-ebda riżultati.

Ebenbauer tkellem ukoll mal-ministru tas-Saħħa tal-pajjiż fejn flimkien qed jippruvaw jimxu fuq protokoll li jrid jiġi segwit mit-8 ta’ Mejju ‘l quddiem. Jidher li t-timijiet se jkunu jistgħu jibdew is-sessjonijiet ta’ taħriġ iżda bħalma ġara f’pajjiżi oħra, dan kollu jista’ jsir fi gruppi żgħar.

Min-naħa l-oħra għad m’hemm l-ebda direzzjoni dwar x’se jiġri dwar il-kampjonat Awstrijak li kien wasal fit-22 ġurnata b’LASK li jinsabu fl-ewwel post b’27 punt segwiti minn Salzburg li għandhom tliet punti inqas minnhom. 

Share With: