“Dawk b’saħħithom jagħmlu li jridu, u d-dgħajfin ikollhom ibaxxu rashom”; Bartolo bi kritika ħarxa għall-Kummissjoni Ewropea

“Dawk b’saħħithom jagħmlu li jridu, u d-dgħajfin ikollhom ibaxxu rashom.” Hekk saħaq il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo f’kumment fuq il-midja soċjali hekk kif għamel referenza storika għall-invażjoni ta’ Ateni tal-gżira ta’ Melos u l-eventwali sottomissjoni tagħha, biex jirreferi għas-sitwazzjoni diffiċli ta’ pajjiżna fir-rigward tal-immigrazzjoni irregolari.

Fi kritika indirizzata għall-Kummissjoni Ewropea, Nartolo saħaq li l-mod kif Ateni trattat lill-Gżira ta’ Melos – li hija biss tliet darbiet id-daqs ta’ Għawdex – hija turija ċara ta’ kif pajjiżi kbar jittrattaw lil dawk iżgħar minnhom. “Dawk b’saħħithom jagħmlu li jridu. Id-dgħjafin ikollhom ibaxxu rashom” żied jgħid Bartolo hekk kif ikkwota lill-istoriku Grieg Thucydides.

Fid-9 ta’ April li għadda l-Gvern Malti kien iddikjara l-portitjiet magħluqin għall-iżbark ta’ immigranti irregolari bħala miżura preventiva kontra t-tixrid tal-Covid-19 f’pajjiżna. Pożizzjoni li fil-jiem li għaddew baqa’ jisħaq li se jkun qed iżomm fid-dawl tal-kriżi li l-pandemija tal-Covid-19 ġabet madwar id-dinja kollha.

Fil-jiem li għaddew Bartolo kien voċiferu ħafna dwar il-mod kif il-Kummissjoni Ewropea qed tittratta lil Malta dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolar. Saħansitra f’kumment ippubblikat fuq il-midja soċjali nhar is-Sibt li għadda, huwa tenna li din il-kwistjoni saħansitra ġġegħlu jħossu li jabbanduna x-xena politika.

Share With: