Deċiżjoni dwar il-futur tal-Kampjonat Premier għat-18 ta’ Mejju

F’laqgħa li saret b’mod virtwali bejn il-president tal-MFA Bjorn Vassallo u l-uffiċjali tal-clubs li jiffurmaw parti mill-Premier League Standing Committee tħabbar li d-deċiżjoni dwar jekk huwiex se jitkompla l-kampjonat jew le se tittieħed 11-il ġurnata oħra, fit-18 ta’ Mejju. Ġiet magħżula din id-data proprju minħabba l-fatt li sa dakinhar l-awtoritajiet tas-saħħa u l-Gvern Malti jkollhom f’idejhom stampa aktar ċara fuq is-saħħa u r-riskji kollha dwar il-possibiltá li jitkompla l-Kampjonat Premier.

Il-president tal-MFA bagħat ittra lill-awtoritajiet lokali flimkien ma’ protokoll mediku dwar dak li hemm bżonn biex tiġi mħarsa s-saħħa ta’ dawk kollha li se jkunu nvoluti. F’din l-ittra, l-MFA stqarret li hija marbuta mill-UEFA biex sal-25 ta’ Mejju tkun ħadet deċiżjoni dwar x’ser ikun qed jiġri mill-Kampjonat Premier.

Is-Sur Vassallo qal lil dawk preżenti għal-laqgħa li l-MFA hija preparata għal kull eventwalità filwaqt li enfasizza li tkun xi tkun d-deċiżjoni, l-MFA se tkun qed tosserva r-regolamenti tagħha u dawk imposti fuqha mill-UEFA u l-FIFA biex is-saħħa ta’ dawk kollha nvoluti tkun salvagwardjata.

Share With: