Dr Gauden Galea: “Iċ-Ċina mhix tinvolvina fl-investigazzjoni dwar l-oriġini tal-coronavirus”

It-tabib Malti li huwa rappreżentant tal-WHO fiċ-Ċina jesprimi t-tħassib tiegħu

Iċ-Ċina qed tirrifjuta t-talbiet li qed isiru mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex tieħu sehem f’investigazzjoni dwar l-oriġini tal-coronavirus.

“Nafu li hemm investigazzjoni fuq livell nazzjonali li qed tiżvolġi, mdankollu f’dan l-istadju ma ġejniex mistiedna biex nieħdu sehem attiv fiha,” saħaq Dr Gauden Galea, it-tabib Malti li huwa rappreżentant tal-WHO fiċ-Ċina f’kummenti li għamel lil Sky News. 

Il-WHO u awtoritajiet Amerikani kkonkludew li l-coronavirus seħħ b’mod naturali u ma kienx maħluq ġenetikament.

Madankollu uffiċjali Amerikani qed jissuspettaw li l-virus jista’ jkun li xxerred minn laboratorju, possibbilment il-Wuhan Institute of Virology, jew il-Wuhan Center for Disease Control.

Galea żied jgħid li r-rekords tal-laboratorju jeħtieġ li “jkunu parti mir-rapport sħiħ, li jagħti ħarsa sħiħa lejn l-oriġini tal-virus”.

Huwa żied jemfasizza li “l-oriġini tal-virus huwa importanti ħafna, ir-relazzjoni li seta’ kien hemm bejn l-annimali u l-bniedem huwa estremament importanti u jeħtieġ li tiġi studjata. Il-prijorità hija li jeħtieġ li nsiru nafu kemm huwa possibbli biex nipprevjenu li tali ċirkostanza terġa’ sseħħ.”

Uffiċjali Amerikani u diversi politiċi akkużaw liċ-Ċina li qed tipprova tgħatti l-epidemija inizjali tal-coronavirus. Il-White House intant ordnat lis-servizzi sigrieti biex jiġbru kull xhieda ta’ tentattiv ta’ cover-up.

Il-President Trump waqqaf ukoll kull forma ta’ għoti ta’ flus lill-WHO wara li akkuża lill-organizzazzjoni li ma ffaċċjatx il-pandemija b’mod adegwat u xerrdet biss il-propaganda taċ-Ċina fir-rigward tal-virus. Ir-Repubblikani saħansitra talbu lill-kollegi Demoratiċi biex jinvestigaw ir-relazzjonijiet li l-WHO għandha maċ-Ċina.

Share With: