Easygas tallega li Liquigas għandha tagħtiha €500,000

Il-kumpanija Easygas akkużat lil-Liquigas li għandha tagħtiha €500,000 fuq il-50,000 ċilindru tal-gass li rritornatilha.

Fi protest ġudizzjarju li ippreżentat fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili l-Easygas irreferiet għall-avviżi legali li hemm dwar dan is-settur u nsistiet li tal-50,000 ċilindru Liquigas ħallsitha biss €5 għal kull ċilindru minflok €15.

Hija qed issostni wkoll li fuq iċ-ċilindri ritornati wara Marzu li għadda għadha ma ngħatat xejn u kien għalhekk li l-Liquigas għandha tagħtiha nofs miljun Ewro.

Easygas ippreżentat protest ġudizzjarju ieħor kontra r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u l-Ministru Michael Farrugia li huwa responsabbli minn dan il-qasam.

Fil-protest hija wissiethom li kienet se żżommhom responsabbli jekk il-Liquigas tibqa’ ma tħallashix dak obbligat lejha.

Il-protesti ġudizzjarji ġew ippreżentati mill-Avukati Kris Scicluna u Karl Tanti.

Share With: