Il-GWU: “Ejja niftħu imma importanti nimxu mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa”

Wieħed mill-prinċipji fundamentali tal- GWU hu il-ħarsien ta’ saħħet u sigurtà tal-ħaddiem. Kien għalhekk li kif faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, l-Union fetħet diskussjonijiet bejn il-membri tagħha, min iħaddem u mal-awtoritajiet tas-saħħa biex dawk il-ħaddiema li ma setgħux jaħdmu mid-dar ikunu protetti skont il-linji gwida maħruġa u skond il-liġi. Fejn kien meħtieġ li l-postijiet ta’ xogħol jingħalqu, ħdimna mal-Gvern biex l-impjiegi jiġu protetti. Issa l-GWU temmen u taqbel li dan huwa żmien opportun biex b’kawtela u skond l-linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa, jibda il-ftuħ gradwali tal-attività kummerċjali. Dan għandu jkun il-bidu tal-mixja ta’ soċjetà Maltija lejn in-normalità.

 Fost l-oħrajn, qbilna u introduċejna miżuri ta’ igjene, l-użu ta’ ilbies protettiv, distanza bejn l-skrivaniji, separazzjoni tal-magni. Barra minn hekk, il-GWU ħadmet biex jiġu introdotti sigħat ta’ xogħol aktar flessibbli, ħinijiet ta’ xogħol differenti. Ħdimna ukoll biex nieħdu ħsieb il-benesser mentali tal-ħaddiem. Dan kollu biex filwaqt li l-ħaddiem jibqa’ jaqdi doveri tiegħu ikun protett.  

L-akbar sfida huwa li jinstab bilanċ bejn is-saħħa u sigurtà u l-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minnha. Filwaqt li għandha tingħata l-attenzjoni speċjali lejn l-aspett mediku ma nistgħux ninsew l-aspett ekonomiku tal-ħaddiem u fuq livell aktar wiesgħa ta’ pajjiżna. Filwaqt li l-GWU tinsisti fuq l-importanza li-tithares s-saħħa pubblika, prijorità trid tingħata ukoll lejn l-impjieg u l-stabbilità politika ta’ pajjiżna. Għaldaqstant l-unjin temmen li dan hu ż-żmien opportun biex bil-mod nerġgħu nibdew nirritornaw għan-normalità.

Il-GWU temmen li fil waqt li huwa essenzjali li nissalvagwardjaw is-saħħa ta’ ċittadini, huwa daqstant ieħor importanti li nibdew nirritornaw għan-normalità. Huwa fundamentali li nħarsu lilna nfusna u ta’ madwarna u nobdu l-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa iżda rridu nipproteġu l-impjiegi tagħna ukoll. Konvinti li bl-għaqal u kawtela kapaċi nsibu dak il-bilanċ.

Share With: