Evarist Bartolo: “Fl-aħħar 15-il sena t-traffikanti bagħtu 22,000 lejna”; “Iżjed dgħajjes qed ikomplu jintbagħtu lejna”

F’kumment fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qal li l-immigranti, il-Libja, Malta, Lampedusa u Sqallija jinsabu lkoll “f’nofs il-Mediterran f’dgħajsa waħda”. Il-Ministru Bartolo kien qed jikkummenta fir-rigward tal-kriżi tal-immigrazzjoni u n-nuqqas ta’ għajnuna min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea f’din is-sitwazzjoni.

Fl-istess waqt Bartolo tenna li “iżjed dgħajjes mimlijin immigranti qed ikomplu jintbagħtu lejna illegalment mill-kosta tal-Libja”.

Huwa tenna li x-xibka ta’ ta’ traffikar ta’ bnedmin tinfirex mill-pajjiżi Afrikani sal-pajjiżi Ewropej, b’Malta tinsab fin-nofs tar-rotot li jintużaw mit-traffikanti.

Il-Ministru żied jgħid li dawk li jmexxu din ix-xibka ta’ traffikar għandhom imħażen, ċentri u rziezet fejn iżommu maqnudin lill-immigranti u jġegħluhom iħallsu minn €300 sa €4,610 kull persuna biex “jippakkjawhom fuq dgħajsa” u joħorġuhom illegalment mill-kosta Libjana lejn Malta.

“Fl-aħħar 15-il sena dawn it-traffikanti/kuntrabandisti bagħtu 22,000 lejna. Daħħlu mill-inqas €44 miljun. Aktarx ferm izjed,” żied jikteb Bartolo, filwaqt li qal li dawk l-immigranti u l-familji tagħhom li ma jkollhomx flus jispiċċaw vittmi ta’ torturi.

“It-traffikanti jittorturawhom, isemmgħu lil tal-familja l-biki u t-twerżiq tagħhom bl-uġigħ biex jiġbrulhom il-flus u jibagħtuhomlhom biex jibqgħu ħajjin,” kiteb il-Ministru Bartolo.

Huwa tenna li minkejja dan mhix qed issir gwerra serja lil dawn it-traffikanti u kuntrabandisti, u appella biex din issir fil-pajjiżi Afrikani, fil-Libja u fl-Ewropa flimkien.

Huwa kkritika lill-Unjoni Ewropea u qal li din mhi tagħmel xejn biex tħares n-nofs tal-Mediterran minn dan it-traffikar u l-kuntrabandu tal-bnedmin.

“Mhux ta’ b’xejn fl-ewwel xhur ta’ din is-sena ntbagħtu erba’ darbiet iżjed mis-sena li għaddiet immigrant irregolari lejn Malta u l-Italja,” tenna Bartolo.

B’referenza għall-bnazzi li qed jagħmel u s-sajf dejjem aktar fil-viċin, il-Ministru Bartolo żied jgħid li din il-problema se tkun qed tkompli tikber.

Fl-istess waqt tenna li hemm ħafna xi jsir biex l-immigranti jsibu futur f’pajjiżhom stess, biex l-emigrazzjoni ssir b’mod legali, u biex pajjiżi differenti jikkoperaw flimkien kontra t-traffikanti tal-bnedmin.

“Imma sadanittant aħna x’suppost nagħmlu?” staqsa l-Ministru Bartolo.

“Nikkuntentaw ruħna li kulħadd jagħtina raġun u fost dawk li jagħtuna raġun hemm dawk li lanqas daqxejn mogħdrija għas-sitwazzjoni diffiċli tagħna m’għandhom u jakkużawna u jikkundannawna u jħalluna waħedna?” huwa temm jistaqsi.

Share With: