Evarist Bartolo: Min ma jridx jgħinna se jindaħlilna wkoll jekk u kif nieħdu ħsieb tagħna nfusna?”

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Ewropej, Evarist Bartolo dalgħodu rrimarka li qed ikun hemm sezzjonijiet fi Brussels li jgħidu lill-Gvern Malti li mhux ikun popolari meta jżomm lill-immigranti irregolari fuq il-baħar u ma jħallihomx jidħlu fil-portijiet.

Min-naħa tiegħu, hu saħaq li din il-kwistjoni mhix xi Eurovision fejn hu importanti li nkunu popolari, iżda hi kwistjoni fejn hu importanti li kulħadd juri solidarjetà. 

Bartolo qal li bħalissa hemm 4,000 immigrant irregolari fiċ-ċentri f’Malta u għalhekk m’hemmx fejn inpoġġu aktar. Qal li kien għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li ma jidħlux aktar immigranti irregolari mil-Libja. 

Madankollu, hu qal li jekk ikun hemm xi mara tqila, xi tifel ta’ sena u nofs, jew inkella xi persuna marida, dawn inġibuhom fuq l-art u nieħdu ħsiebhom għax minkejja li bħala pajjiż għandna rieda tal-azzar, min-naħa  l-oħra aħna pajjiż b’qalb tad-deheb li jieħu ħsieb lil dawk l-aktar vulnerabbli. 

Il-Ministru qal li ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk u saħaq li jixtieq li jkun hemm ftit viżjoni mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea dwar kif se tinqasam ir-responsabbiltà dwar l-immigrazzjoni irregolari. 

Hu spjega li fil-każ ta’ Malta din fiha daqs nofs Madrid. Qal li bħala proporzjon, kieku l-1,200 immigrant li bagħtu fl-ewwel tliet xhur tas-sena ntbagħtu Madrid, allura dawk kienu jkunu 12,400. Sostna li huma kważi daqs dawk it-13,000 li kienu nġabru fuq il-fruntiera mal-Greċja meta l-President Tork, Recep Tayyeb Erdogan kien qal li fetaħ il-bibien biex l-immigranti li għandu fit-Turkija jibgħathom lejn l-Unjoni Ewropea. 

Bartolo semma kif dakinhar l-Unjoni Ewropea wriet solidarjetà sħiħa mal-Greċja, fejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea aktar taru fuq il-fruntiera biex juru solidarjetà. Għalhekk qal li issa li hi ċ-ċkejkna Malta li qiegħda titkellem, għax bħala l-iċken pajjiż u l-aktar wieħed iffollat fl-UE m’għandux fejn ipoġġi iżjed immigranti irregolari, hemm mhumiex jagħtu kasna. 

Jgħid li minkejja li jistqarru li qed nieħdu iżjed milli nifilħu, fl-istess waqt iriduna nieħdu iżjed. 

Għaldaqstant, il-Ministru staqsa jekk l-Ewropej ilumuniex li jekk jibqgħu ma jgħinuniex ikollna nfittxu l-għajnuna minn bnadi oħra. Jgħid li wara kollox trid tgħin ruħek biex Alla jgħinek. 

Share With: